Internazzjonali

Depp v Heard: Tiħrax il-battalja legali bejn żewġ protagonisti ta’ Hollywood

Id-dinja ta’ Hollywood u d-dilettanti taċ-ċinema madwar id-dinja, qegħdin isegwu b’attenzjoni l-proċess tal-qorti fejn l-attur Amerikan rinomat, Johnny Depp, qed ikun akkużat dwar vjolenza domestika kontra l-eks mara tiegħu, l-attriċi Amber Heard.

Id-diżgwid bejn din koppja hu wieħed mill-agħar każi ta’ separazzjoni bejn koppja ċelebri fid-dinja tal-ispettaklu u l-proċess tal-qorti qed jibbaża fuq artiklu li Amber Heard kienet kitbet għall-Washington Post u li fih fissret lilha nnfisha bħala vittma ta’ abbuż domestiku.

Johnny Depp, l-istilla ta’ diversi films li jinkludu Edward Scissorhands u Pirates of the Caribbean, issa qed jitlob kumpens ta’ 50 miljun dollaru għal malafama fil-konfront ta’ Heard b’konnessjoni mal-artiklu li kien ippubblikat lejn l-aħħar tal-2018. Hu qed jiċħad kategorikament li qatt refa’ idejh fuq Amber Heard fiż-żmien li damu miżżewwġin, b’Heard tinsisti li damet ix-shur issofri abbuż fiżiku u verbali taħt idejn Depp.

Johnny Depp, fl-aħħar sigħat, tela’ jixhed fil-qorti ta’ Fairfax County, fl-Istat Amerikan ta’ Virginia u meta l-avukati tiegħu qegħdin jakkużaw lil Amber Heard b’li qed tagħti l-aqwa interpretazzjoni ta’ ħajjitha bħala attriċi bil-ħsieb li turi lil Depp f’dawl ħażin. L-avukati ta’ Depp qed jgħidu li l-akkużi ta’ Heard fil-konfront tal-attur huma bbażati fuq il-gideb u li l-attriċi qed taħdem fuq strateġija kalkulata biex tkisser ir-reputazzjoni ta’ eks-raġel tagħha,.

Sadanittant, l-osservaturi u xi awtoritajiet fid-dinja taċ-ċinema qablu li la Johnny Depp u lanqas Amber Heard mhuma se joħorġu tajjeb minn din il-gwerra legali li fiha qed jinkixfu affarijiet li ma jirriflettux daqstant tajjeb fuq iż-żewġ atturi.

Fl-istess ħin. Johnny Depp qed jinsisti li qatt f’ħajtu ma sawwat lil martu jew lil xi mara oħra, waqt li tenna li l-akkużi fil-konfront tiegħu – li fissirhom bħala infondati — sabu l-għeruq fl-industrija taċ-ċinema.

Amber Heard, fl-aħħar snin, baqgħet tinsisti li Johnny Depp kien hedded li joqtolha diversi drabi, speċjalment f’ħinijiet wara li hu kien ikkonsma kwantità ta’ droga u alkoħol. Hi allegat li kienet batiet minn xhur ta’ intimidazzjoni, fejn l-eks żewġha kien jagħmel minn kollox biex jikkontrollaha u fejn akkużaha diversi drabi dwar relazzjonijiet ma’ irġiel oħra.

Il-proċess fil-qorti ta’ Fairfax għandu jkompli fil-jiem li ġejjin.