Il-Kummissjoni Ewropea qed tippjana is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja.
Waqt laqgha tal-Kumitat Ewropew ghall-Affarijiet Barranin, li ddiskutiet s-sitwazzjoni fl-Ukrajna, l-MEPs preżenti qalu li dan il-pakkett ta’ sanzjonijiet għandu jinkludi embargo fuq il-gass u ż-żejt. U appellaw biex ma jkunx hemm aktar tkaxkir tas-saqajn, għaliex diġa’ inħela ħafna ħin.
Il-laqgħa fi Brussell, fil-bini tal-Parlament Ewropew, tmexxiet miċ-chairperson David McAllister illi spjega kif l-UE diġa’ imponiet numru ta’ sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja. Għalkemm saqsa x’għandu jsir aktar biex tieqaf immedjatament din l-aggressjoni.
Mistieden speċjali għal din il-laqgħa kien Ivan Federov, Sindku tal-belt Ukrena ta’ Melitopol li tinsab bejn Odessa u Mariupol.
Fil-messaġġ tiegħu lill-Parlament Ewropew, Federov tkellem dwar il-propaganda li ghaddejja mir-Russi…u l-massakri li ghaddejin f’diversi bliet Ukreni.
Is-Sindku ta’ Melitopol insista li din hija gwerra kontra l-umanita’. U għalhekk, irridu nkunu maghqudin kontra din it-theddida…għaliex huwa ċar li l-gwerra se tinfirex fil-bqija tal-Ewropa.