Tano Farrugia li kien ġie kundannat 20 sena ħabs fit-Tuneżija u li iżda qatta’ biss tliet snin detenut qal fil-Qorti li Ahmed El Fadalli Enan, ta’ 52 sena, Eġizzjan li qed jiġi akkużat fuq assoċjazzjoni ta’ 50 kilo raża tal-cannabis kien qallu biex imur Tuneż biex jiġbor 50 kilo droga u l-għada jiġbor l-istess ammont.
Ahmed El Fadalli Enan resdienti l-Fgura u ilu għal dawn l-aħħar 29 sena jgħix Malta qed jiġi mixli b’kompliċità biex tiddaħħal f’Malta 50 gramma raża tal-cannabis. L-akkuża hija ta’ assoċjazzjoni biex tiġi impurtata d-droga f’każ li jmur lura għall-2010. Il-Pulizija arrestatu wara li ġiet ikkuntattjata minn Malti li ħuh kien arrestat fit-Tuneżija fuq sejba ta’ droga.
Adrian Farrugia kien qal lill-Pulizija wara li ħuh Tano ġie arrestat f’lukanda fejn fil-kamra kien hemm id-droga. Il-pjan kien li d-droga tittella’ abbord dgħajsa li tidħol fix-xatt ta’ ħdejn il-lukanda u minn hemm tiġi Malta. Meta tela’ fuq il-pedana tax-xhieda waqt ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, Farrugia, eks player mat-team ta’ Msida St.Joseph talab lill-Qorti biex ismu ma jissemmiex fil-mezzi tax-xandir.
L-Imħallef Scerri Herrera ċaħdet it-talba fejn qalet li dan huwa ġuri pubbliku. Farrugia qal li kellu ħanut tad-‘detergents’ u kien għaddej minn problemi finanzjarji fl-2010. Tenna li kien ltaqa’ ma’ Enan li offrielu biċċa xogħol fit-Tuneżija. Il-pjan kien li jmur għal 100 kilo ħaxixa mbagħad jgħabbiha fuq dgħajsa biex tiġi Malta. Saħaq li fil-ġurnata inkwistjoni kellhom jgħaddulu 50 kilo u l-għada l-50 kilo l-ieħor.
Qal li d-dgħajsa kellha tiġi filgħaxija imma ma kienx jaf x’tip kienet, iżda il-pjan ta’ Ahmed kien biex jieħu miegħu torch u jagħmel sinjal lil min kellu jiġi bid-dgħajsa. Ix-xhud qal ukoll li qabel qatt ma kien mar it-Tuneżija. Pjan ieħor kien li jixtri ‘sim card’ mit-Tuneżija u jikkuntattja lil Ahmed biha.
Kompla li kien ċempel lil Ahmed u dan qallu li kien ġej Tuneżin bit-taxi għalih biex jieħdu f’post. Wara siegħa u nofs waslu f’belt imġarrfa u x-xufier qallu biex ma joħroġx mill-karozza. Dak il-ħin waqfu ħdejn dar, ħarġu tnejn min-nies, poġġew xi basktijiet fil-bagoll u telqu lkoll flimkien.
Hekk kif kienet għaddejja din l-operazzjoni Farrugia qal li kien f’kuntatt ma’ Enan li daqqa beda jkellem lilu u xi kultant lix-xufier u l-irġiel l-oħra. Wara x-xufier ħallieh f’post u Farrugia qal li ma kellux għażla ħlief li jċempel taxi biex tieħdu lura l-lukanda.
Wara tella’ d-droga fil-kamra tal-lukanda fi tmien darbiet. Huwa kompla jgħid li ġurnata minnhom ħabbat il-bieb tal-lukanda u daħlu l-pulizija. Dawn immanettjawh u tawh “xebgħa tajba”. Saħaq li għal din il-biċċa xogħol Ahmed kien wegħdu €15,000.
Farrugia xehed ukoll li fit-Tuneżija kien ġie kundannat 20 sena ħabs fuq traffikar ta’ droga. Kif lissen dawn il-kliemqam battibekk bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża jekk il-ġurati għandhomx ikunu jafu li kien ġie kundannat 20 sena ħabs. L-Imħallef Scerri Herrera ordnat li l-ġurati biex jirtiraw minħabba dan il-punt imqajjem. Hija spjegat liż-żewġ naħat li jista’ jissemma li weħel il-ħabs fit-Tuneżija u li kien ingħata maħfra presidenzjali.
Fil-fatt meta daħlu lura l-ġurati Farrugia qal li wara biss tliet snin ħabs huwa kien ingħata maħfra presidenzjali. Sostna lin wara li għadda minn dan kollu baqa’ ma ħa xejn flus.
Kien midjun u kellu bżonn il-flus
Waqt il-kontro-eżami xehed li aċċetta li jkun parti mill-pjan għax kellu ħafna dejn li ma jafx kemm u għalhekk kellu bżonn il-flus f’idu. Qal li Enan kien kellmu darba jew darbtejn qabel stiednu jmur iġiblu d-droga mit-Tuneżija. Kompla jgħid limeta l-akkużat għamillu l-istedina aċċetta mill-ewwel.
Tenna li hu u l-Eġizzjan ma kienux jiltaqgħu ta’ spiss u li meta kienu jagħmlu dan kienu jiltaqgħu barra l-klabb tal-boċċi tal-Fgura. Huwa ġie mistoqsi jekk ċeru Karl Pace kien jafx bil-pjan tiegħu u wieġeb fl-affermattiv, imma saħaq li Pace ma kienx involut. Dwar il-lukanda fit-Tuneżija sostna li għamel il-booking meta wasal. Huwa mar it-Tuneżija b’€400 fi flus kontanti li kien tah l-Eġizzjan.
Xehdu wkoll Robert u Adrian Farrugia li juġu ħut Tano b’ta’ l-ewwel jgħid li ma kienx jafx għaliex ħuh kien arrestat it-Tuneżija, Adrian Farrugia l-ewwel xhud fit-tieni jum tal-ġuri li għaddej Ahmed El Fadalli Enan. Adrian Farrugiua qal li hu kien mar biex ikellem lil Enan u dan għall-ewwel ma riedx ikellmu. Kull ma qallu kien biex ikellem lil ċertu Leli f’Wied il-Għajn. Huwa mar u wara li ltaqa’ ma’ dan Leli reġa’ mar lura l-Fgura u ltaqa’ mal-akkużat.
Waqt li kien qed ikellmu, Enan sabbat il-mobile phone mal-art u rifsu. Adrian tennali wara mar jagħmel rapport mal-Ispettur Dennis Theuma, illum Assistent Kummissarju. Waqt il-kontro-eżami mid-difiża x-xhud qal li ħuh ma qallux għaliex kien sejjer it-Tuneżija. Adrian qal li Enan spjegalu kif id-droga kienet se tgħaddi mill-Marokk u l-Alġerija lejn it-Tuneżija.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Godwin Cini u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Simon Micallef Stafrace.
//= $special ?>