Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Skada l-ultimatum tar-Russi lill-aħħar suldati Ukreni f’Mariupol

Skada l-ultimatum tar-Russja għall-aħħar suldati Ukreni li qed jiddefendu Mariupol u li qed jiġġieldu ‘l-aħħar battalja’ għall-kontroll ta’ din il-belt li ilha l-ġimgħat iġġarrab l-impatt ta’ waħda mill-akbar offensivi mill-qawwiet Russi matul il-gwerra tal-Ukrajna.

Intant, is-sitwazzjoni f’Mariupol għada xi ftit konfuża wara li ntemm id-deadline li r-Russi taw lil dawn it-truppi biex iċedu.

L-aħħar truppi Ukreni f’Mariupol kienu qed jiddefendu l-faċilità ta’ Azovstal għall-produzzjoni tal-azzar u li serviet bħala l-aħħar fortizza għall-qawwiet ta’ Kiev f’din il-belt. Dan meta ħareġ video ta’ kmandant tal-morini Ukreni li tkellem mill-kumpless u sostna li t-truppi tiegħu kienu determinati li jirreżistu lir-Russi sal-aħħar nifs.

Il-kmandant – il-Maġġur Serhiy Volyna – anki talab l-għajnuna mingħand il-komunità internazzjonali waqt li tenna li miegħu, fil-kumpless, hemm il-mijiet ta’ suldati midruba flimkien ma mijiet ta’ tfal u nisa li sabu refuġju mill-ġlied f’sezzjonijiet ta’ dik il-faċilità.

l-Maġġur Volyna wissa, fil-filmat, li l-militar Ukren ‘x’aktarx kien fadallu biss munizzjon biex jirreżisti lir-Russi għal kwistjoni ta’ sigħat’. Tkellem ukoll, ftit wara, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, li kkonferma li ‘is-sitwazzjoni f’Mariupol kienet iddisprata daqskemm wieħed seta’ jimmaġina’.