Kultura Lokali

Imut l-attur Malti Frank Tanti – għalliem u attur maħbub minn kulħadd

Matul il-lejl li għadda miet l-attur Frank Tanti – veteran tat-teatru u t-televiżjoni b’involviment f’diversi produzzjonijiet. Hu kellu 72 sena.

Il-mewt tiegħu ġabet mewġa kbira ta’ kummenti minn żgħażagħ u atturi li tul is-snin ħadmu miegħu. Hu kien deskritt bħala raġel ħabrieki u ġenwin, u li kellu “talenti kbar”

Ħafna studenti li ħadu taħriġ mingħandu ddeskrivewh bħala “għalliem maħbub minn kulħadd” u persuna li ta opportunitajiet li diversi persuni li riedu karriera fid-dinja tal-films jew esperjenzi fuq il-palk.

Frank Tanti ħa sehem fil-parti tat-taxi driver fis-sensiela Nostalġija. U ħadem il-karattru ta’ Lino fil-film Malti Luzzu.

Ħadem anke minn wara ‘l kwinti, u kien gwida għal diversi żgħażagħ li kibru fit-teatru tul is-snin.

Tanti ħadem ukoll f’films internazzjonali maħduma f’Malta, fosthom Agora, The Devil’s Double, u When Pigs Have Wings, kif ukoll fis-serje Queen of the South u Cargo.

Intant, il-kelliem tal-PN għall-Kultura Julie Zahra ddeskriviet lil Frank Tanti bħala “persuna ddedikata ħafna f’dak li jagħmel, u li dejjem ħadem b’imħabba kbira.”