Bini imgarraf… vetturi maħruqa… refuġjati jaħarbu minn darhom…toroq li spiċċaw ħerba…katavri ta’ nies innoċenti.
Huma dawn ix-xeni li inqabdu mill-kamera tal-fotografu Malti Rene Rossignaud, illi aktar kmieni dan ix-xahar żar l-Ukrajna, fejn miss b’idejh l-esperjenża qattiela ta’ din il-gwerra.
“Kull 5 km għandek ic-cheque points.. u fic-cheque points jsaqsuk ħafna domandi. Min hu barrani bil-passaport ewropew jgħaddi normali iżda min hu mill-Ukrajna stess ma jemmnuhx, ghax ir-russi u n-nies ukreni jixtiebħu ħafna.”
Waqt li kien qed jiġi intervistat minn Robert Cremona fil-programm Net Live, il-fotografu Malti saħaq li fost in-nies fl-Ukrajna, propju fil-Belt kapitali ta’ Kiev, hemm żewġ biżgħat – is-separatisti Russi li ħadd ma jkun jaf min huma .. u l-burbardamenti tal-missili
“Is-sigurtà tibza min-nies minflok in-nies jibżgħu mis-sigurtà.. u filgħaxija hemm separatisti Russi li joħorgu bil-lejl jisparaw fuq in-nies.. u dan ma tkunx taf qatt min huma. Sakemm tkun taf min huma jkunu diġa sparaw u qatlu n-nies.”

Rene Rossignaud spjega kif meta ħareġ mill-Belt kapitali tal-Ukrajna u mar postijiet oħra bħal Irpin u Bocha, ra b’għajnejh massakri tal-waħx .. xi ħaġa li se tibqa stampata f’moħħu tul ħajjtu kollha.
“Saru Massakri sħaħ… sparaw fuq nies innocenti. Jien rajt tfal b’idejhom marbutin u sparawlhom ġo rashom.. affarijiet tal-imġienen – hawn min jgħidlek dawn kollha gideb. Lili ma jista jgħidli hadd li huma gideb għax rajthom b’għajneja.”

Il-fotografu Malti qal li għal kuntlajru tal-esperjenżi li kellu fil-passat, il-Gwerra li bħalissa għaddejja fl-Ukrajna .. hija differenti għaliex nies innoċenti inkluż nisa u tfal qed jinqatlu intortament.
Stqarr ukoll li l-aktar xena li tibqa mmarkata f’moħħu hija ix-xena tal-oqbra tal-massa fejn numru ta’ nisa u tfal inqatlu u tħallew f’nofs ta’ triq għall-ġimgħatejn sħaħ.
Ġrajja li żgur mhu se jinsa qatt… hija l-istorja ta’ mara li sfat stuprata minn numru ta’ suldati Russi quddiem familtha.
Min naħa l-oħra, Rene Rossignaud stqarr li minn din l-esperjenza seta’ wkoll jara kemm il-poplu Ukren hu poplu b’saħħtu mimli kuraġġ u solidarjetà.
“Din hija Gwerra differenti, Gwerra tan-nies, Gwerra tal-mara, ir-raġel u tfal lesti bil-machine gun lesti biex jiġġieldu u jipproteġu lil pajjiżhom .. Gwerra infinita għaliex ir-russja għandha wahda mill-akbar armata fid-dinja.”
Rene Rossignaud stqarr li “Qatt ma rajt poplu bħal dan, poplu maqgħud, kulhadd litteralment lest biex jiggieled.”


