Lokali

“Jimponi, minflok jaċċetta l-għażla tal-poplu”

Robert Abela mill-ġdid impona dak li jrid hu, minflok ħa ħsieb li jaċċetta r-rieda tal-elettorat.

Hekk tenna l-editorjal ta’ The Malta Independent fejn ta ħarsa lejn dak li ġara fl-10 Distrett Elettorali bil-Partit Laburista, bil-kunsens tal-Prim Ministru Robert Abela, jagħżel lil Randolph Debattista għal siġġu fil-Kamra tad-Deputati minn dan id-Distrett.

L-editorjal ifakkar li Debattista ma kkontestax l-aħħar elezzjoni. Ma marx iħabbat il-bibien kif għamlu kandidati oħra. Ma nefaqx ċenteżmu biex jorganizza avvenimenti, bħalma għamlu kandidati oħra. Ma pprintjax fuljetti jew bagħat kalendarji fid-djar, bħalma għamlu kandidati oħra … iżda xorta waħda ingħata siġġu fil-Parlament.

L-Independent tgħid illi Robert Abela ħa t-tifsira ta’ co-option għal livell ġdid – livell deskritt mill-istess gazzetta bħala imbarazzanti, u attakk fuq id-demokrazija.

Il-PM, u miegħu l-Partit Laburista, reġgħu tefgħu l-proċess demokratiku barra mit-tieqa – dan ġara fl-aħħar leġiżlatura, u reġa’ ġara fl-ewwel ftit jiem tat-terminu l-ġdid.

L-editorjal qal li dak li qed jagħmel Abela huwa biss li jridu hu u mhux dak li jrid il-poplu.

L-Independent tfakkar illi Abela kien ċar fl-intenzjonijiet tiegħu – ma riedx li jiġi elett Evarist Bartolo. Għaliex Bartolo kellu l-aħjar ċans li jagħmel dan kieku saret elezzjoni każwali fl-10 distrett. Bħalissa….  il-PL m’għandu lil ħadd lil min jirrappreżentah fuq l-10 distrett, iżda Robert Abela ma jimpurtahx minn dan, bl-editorjal jappella biex il-votanti iżommu dak li għamel il-Prim Ministru f’moħħhom għal ħames snin li ġejjin.