Każ kontra raġel ta’ 29 sena akkużat bi traffikar ta’ kokaina fl-2014 wara li l-pulizija segwew il-karozza tiegħu u osservawh jarmi borża li kien fiha l-kokaina mill-istess karozza, waqa’ wara li l-prova ċentrali fil-konfront tiegħu, l-istqarrija tiegħu lill-pulizija, ġiet iddikjarata inammissibbli.
Liam Cauchi, residenti l-Gżira kien ġie mixli b’pussess u traffikar ta’ kokaina fl-2014. Huwa kien akkużat ukoll li sar reċediv. Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras semgħet diversi uffiċjali tal-pulizija jixhdu dwar l-arrest tar-raġel wara li Toyota Tercel li kien qed isuq kienet ordnata tiġbed għal taħt il-mini ta’ Santa Venera.
L-uffiċjali kienu raw wieħed mill-persuni li kienu fil-karozza jarmi borża mit-tieqa ta’ wara tax-xellug tal-vettura, li aktar tard instab li kien fiha 18-il qartas kokaina. Cauchi kien ġie arrestat flimkien ma’ żewġ passiġġieri. Fil-pussess tiegħu nstabu żewġ mobiles, li wieħed minnhom kien fih sms li l-pulizija qiesu bħala suspettuż.
L-akkużat kien ċaħad b’mod konsistenti l-akkużi matul il-proċedimenti. L-avukat tiegħu, Jason Grima, talab b’suċċess it-tneħħija ta’ l-istqarrija tar-raġel lill-interrogaturi tal-pulizija, għar-raġuni li kienet saret fin-nuqqas ta’ avukat. Il-Qorti osservat li n-nuqqas ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni tiegħu – minkejja li dak iż-żmien kienet prattika aċċettata – kienet, fil-fatt, wasslet biex isofri preġudizzju peress li kien għamel stqarrijiet inkriminanti fuqu nniffsu stess, li wassluh biex ikun suġġett għal proċedimenti kriminali li jġorru sentenza ta’ ħabs obbligatorja.
Bl-istqarrija tiegħu ddikjarata inammissibbli, il-provi li kien fadal ma kinux biżżejjed biex tinstab il-ħtija, qalet il-qorti. Barra minn hekk, l-akkużat kien qed isuq il-karozza ma’ żewġt irġiel oħra bħala passiġġieri. Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras innotat li wieħed mill-irġiel l-oħra, Steve Mangion, kien xehed li tefa’ l-borża li kien fiha d-droga mit-tieqa tal-karozza meta sema’ s-sireni tal-pulizija, wara li sema’ lil xi ħadd jgħidlu “armi armi”, iżda qal li ma kienx ra min kien għaddijielu hekk kif dak il-ħin kien qed iħares lejn il-karozza tal-pulizija ġejja warajhom.
Il-passiġġier l-ieħor, Themer Kodir, qal lill-Qorti li ma ra jew sema’ xejn u kien sar jaf biss għaliex ġew arrestati, wara li seħħ l-arrest. Espert maħtur mill-Qorti kien skopra messaġġ suspettuż, li qal li x’aktarx jirreferi għal ftehim ta’ droga, fuq wieħed mill-mobiles li nstabu fil-pussess tal-akkużat, iżda enfasizza li dan il-messaġġ imur lura għal Diċembru tal-2010, u għalhekk kien barra mill-ambitu ta’ l-imposti.
Dan, flimkien mal-fatt li l-imputat ma kienx waħdu fil-vettura fil-ħin tal-arrest, fisser li l-qorti ma setgħetx tikkonkludi fil-livell ta’ kundanna meħtieġa mil-liġi, li l-akkużat kien fil-pussess tal-kokaina li kien ġie rkuprat mill-pulizija. Cauchi ġie ddikjarat mhux ħati. Il-Qorti ordnat il-qerda tad-droga maqbuda. L-Ispettur Malcolm Bondin mexxa l;-Prosekuzzjoni. Għal Cauchi deher l-avukat Jason Grima.
//= $special ?>