Futbol Sport

Rebħa importanti għal Arsenal fi Stamford Bridge… Man City lura fl-ewwel post

(Ritratt: EPA)

Fi Stamford Bridge f’partita mill-isbaħ Arsenal kisbu rebħa importanti ta’ 4-2 fuq Chelsea biex żammew it-tamiet tagħhom ħajjin li jiksbu post fil-UEFA Champions League fi tmiem l-istaġun. Kienu Arsenal li fetħu l-iskor fit-13-il minuta meta wara żball difensiv ta’ Andreas Christensen kien Eddie Nketiah li approfitta u b’xutt fil-baxx għeleb lil Eduoard Mendy għal 1-0. Reazzjoni immedjata minn Chelsea meta fis-17-il minuta kisbu d-draw, meta x-xutt ta’ Timo Werner kien mxellef għal ġewwa mid-difensur ta’ Arsenal Rob Holding.

Madanakollu Arsenal għal darb’oħra fil-vantaġġ fis-27 minuta meta minn azzjoni maħduma tajba Martin Odegaard għadda lejn Emile Smith Rowe li b’xutt preċiż għeleb lil Mendy għal 2-1. Iżda ħames minuti Chelsea reġgħu kisbu l-gowl tad-draw meta minn cross ta’ Mason Mount kien Cesar Azpilicueta li kompla ġewwa mill-viċin għal 2-2.

Arsenal mill-ġdid fil-vantaġġ fis-57 minuta Arsenal skorjaw it-tielet gowl meta Eddie Nketiah approfitta minn indeċiżjoni tad-difensur Malang Sarr u għeleb lil Mendy għal 3-2. Fid-90 minuta Arsenal ingħataw penalty għal foul ta’ Cesar Azpilicueta fuq Bukayo Saka, bl-istess Saka mill-11-il metru ma jiżbaljax għal 4-2.

Fl-Etihad Stadium Man City irritornaw fil-quċċata tal-Premier League b’rebħa ta’ 2-0 kontra Brighton, biex telgħu punt fuq Liverpool b’77 punt. Huma fetħu l-iskor fit-53 minuta meta minn żball difensiv ta’ Lewis Dunk approfitta Riyad Mahrez li xeħet fix-xibka għal 1-0. It-tim immexxi minn Pep Guardiola rdoppjaw fil-65 minuta meta minn corner Riyad Mahrez din id-darba kien Phil Foden li kkonkluda fix-xibka għal 2-0. Man City skorjaw it-tielet gowl fit-82 minuta meta Bernardo Silva għadda lejn Kevin De Bruyne li xeħet fix-xibka għal 3-0.

F’Goodison Park Everton kisbu draw importanti lejn tmiem il-partita kontra Leicester biex baqgħu 4 punti fuq Burnley, b’29 punt. Wara biss ħames minuti Leicester fil-vantaġġ meta x-xutt ta’ Kelechi Iheanacho kien imblokkat, kien Harvey Barnes li mit-tieni tentattiv xeħet wara Jordan Pickford għal 1-0. Madanakollu fit-93 minuta Everton kisbu l-gowl tad-draw meta kien Richarlison li ra x-xutt tiegħu mxellef għal ġewwa għal 1-1.

F’St James’ Park Newcastle kisbu rebħa oħra fuq Crystal Palace biex komplew jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni. Newcastle fetħu l-iskor fit-32 minuta meta minn pass ta’ Bruno Guimaraes kien Miguel Almiron li kkonkluda fix-xibka għal 1-0.

PREMIER LEAGUE

Illum: Chelsea v Arsenal 2-4, Everton v Leicester 1-1, Newcastle v Crystal Palace 1-0, Man City v Brighton 3-0