Lokali Qorti

Ħaddiema tal-Qorti urtati għax għaddew tliet snin u l-ftehim kollettiv baqa’ mhux iffirmat

Numru ta’ ħaddiema tal-Aġenzija tal-Qorti jinsabu ferm urtati għall-fatt li minkejja l-ħafna laqgħat li saru l-ftehim kollettiv għadu ma ġiex iffirmat u dan wara li l-ftehim ilu li skada tliet snin. Minkejja l-pressjoni li qed issir mill-UĦM Voice of the Workers u l-Union Law Courts Employees jidher li l-Gvern baqa’ ikaxkar saqajh u minħabba f’hekk numru ta’ ħaddiema li jaħdmu l-Qorti u li saru Principals u gradi oħra fiċ-ċivil intilfu mill-Qorti u se jmorru jaħdmu f’dipartimenti oħra.

Xi ħaġa oħra li qed turta lill-ħaddiema hija li minkejja li l-elezzjoni ilha li għaddiet kważi xahar il-Ministru ġdid tal-Ġustizzja Jonathan Attard għadu ma sabx ħin biex jasal wasla sal-Qorti. Simon Simpson f’isem il-Union Law Courts Employees qal lil NET News li xahar qabel l-elezzjoni, minkejja li diġa kienu għaddew is-snin kienu ġew infurmati mill-awtoritajiet li kollox kien waqaf minħabba l-elezzjoni ġenerali, imma sa issa kollox reġa’ waqa’ fuq widnejn torox.

Simpson qal li l-union li huwa jirrappreżenta hija reġistrata mad-DIER (Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol) u li l-amministrazzjoni kienet qed titkellem magħha u mal-UĦM li tirrapreżenta l-maġġoranza tal-membri. Tenna wkoll li kif seħħ fil-konfront tal-ħaddiema tal-Parlament dan l-aħħar, xi ħaġa li bħala kollegi ħaddiema kien ta’ sodisfazzjon kbir għalih, li rnexxielhom iġibu titjib fil-kundizzjoniet, fir-rigward tal-ħaddiema tal-Qorti, l-amministrazzjoni kienet u għadha qed tkaxkar saqajha.