Knisja Lokali

Appell biex ma nibżgħux naħdmu b’rispett sħiħ lejn il-verità – Mons Joseph Galea Curmi

Aħna u nitolbu għal Daphne Caruana Galizia, nitolbu lill-Mulej għall-ġurnalisti biex ma jibżgħux, biex jaqdu b’impenn ir-rwol tagħhom li jkunu l-għajnejn, il-widnejn, u x-xofftejn tal-poplu b’rispett sħiħ lejn il-verità u b’libertà sħiħa.

Dan kien l-appell tal-Isqof Awżiljarju Mons Joseph Galea Curmi fl-Omelija matul Quddiesa b’suffraġġju għal ruħ il-ġurnalista assassinata fis-16 ta’ Ottubru 2017, propju f’għeluq l-erba’ snin u nofs minn meta seħħ il-każ.

Matul il-Quddiesa, li kienet iċċelebrata fil-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi, fil-Belt, Mons Galea Curmi kompla li bħala poplu, għandna lkoll nerfgħu r-responsabbiltà u nagħmlu dak li għandna nagħmlu biex ma nibqgħux passivi jew indifferenti, iżda anke nagħmlu s-sagrifiċċji meħtieġa għal dak li hu sewwa.

L-Isqof Awżiljarju appella biex il-ġustizzja sseħħ u kull min kien involut, fid-deher jew fil-moħbi, b’li għamel jew b’li ordna, issir ġustizzja miegħu jew magħha. Fl-istess waqt, il-poplu għandu jissaħħaħ fl-impenn għal dak li hu veru, sewwa u ġust, b’rispett lejn is-saltna tad-dritt u l-ħarsien tal-ħajja, kif ukoll tad-drittijiet tal-bniedem.

Hu kkwota lill-Papa Franġisku li, meta kien f’Malta stess, fakkarna kemm hu importanti li ma nibqgħux passivi, iżda nagħtu lkoll is-sehem tagħna għal soċjetà li tkun tixraq lill-bniedem u li tirrispetta l-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem mill-bidu sal-aħħar, kif ukoll f’kull waqt tagħha.

Fakkar kif il-Kap tal-Knisja Kattolika tana kliem qawwi ta’ inkoraġġiment għal dawk li ma jfarfrux ir-responsabbiltà tagħhom, iżda jibqgħu jaħdmu bis-sħiħ biex ikunu parti mir-riħ qawwi meħtieġ ħalli pajjiżna jitnaddaf mill-illegalità u l-korruzzjoni.