Lokali

Din is-sena diġa’ kelna 12-il fatalità fit-toroq Maltin

Accept Analitiċi cookies to view the content.
Fl-ewwel kwart tas-sena 2021 kelna biss fatalità waħda

Mill-bidu tal-2022… ġimgħa wara ġimgħa… triq wara triq… rajna persuni jmutu f’incidenti tragici tat-traffiku. Bl-aħħar fatalità jumejn ilu; żagħżugħ Sudaniż ta’ 24 sena.

Sa l-ewwel erba’ xhur tas-sena, pajjiżna diġa’ ra t-telfa ta’ 12-il persuna, bl-ewwel fatalità isseħħ fit-2 ta’ Jannar fejn anzjana ta’ 80 sena sfat imtajra fil-Ħamrun.

Tibqa’ msemmija żgur it-telfa tal-fundatur ta’ Puttinu Cares, Victor Calvagna, li spiċċa mtajjar waqt li kien qed jiġġogja fil-Qawra. Hu miet fl-4 ta’ Jannar.

Każ simili seħħ fis-26 ta’ Frar meta raġel ta’ 50 sena ntlaqat minn vettura meta kien qed jiġġogja fi Triq l-Imdina…direzzjoni lejn Santa Venera.

U f’inqas minn xahrejn wara, pajjiżna ra inċident ieħor fejn daqs sitt’ijiem wara (4/10 t’Apr), il-vittma tal-inċident tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei.

L-iktar każ riċenti ta’ mewt fit-toroq Maltin kien fid-19 t’April fejn is-Sudaniż ta’ 24 sena safa imtajjar u miet ftit tal-ħin wara l-inċident li seħħ fil-Marsa.

Ftit ġimgħat qabel, propju fit-3 ta’ Frar, ħaddiem safa wkoll imtajjar minn trakk waqt li kien qed jgħin kollega tiegħu jdawwar fi triq dejqa.

Persuna oħra li tilfet ħajjitha waqt il-ħin tax-xogħol kien sewwieq ta’ mutur li waqt li kien għaddej minn Aldo Moro fis-16 ta’ Frar, hu spiċċa ntlaqat minn ammont ta’ metal li waqa’ fuqu wara li għeleb trakk.

U ftit jiem wara, propju fis-7 ta’ Marzu, raġel ta’ 38 sena li ukoll kien qed iwassal l-ikel, miet jumejn wara inċident li kellu ma’ trakk.

Sewwieq ta’ mutur ieħor li tilef ħajtu hu raġel li kellu impatt ma’ vann fit-2 ta’ Frar… u xahar wara, wara li sewwieq iehor ta’ mutur, żagħżugħ ta’ 28 sena, ukoll miet f’incident tat-traffiku.

Fil-5 ta’ Marzu miet żagħżugħ, din id-darba ta’ 20 sena, meta tilef il-kontroll tal-karozza b’riżultat li baqa’ dieħel f’siġra fil-Baħrija.

Dan filwaqt li anzjan ta’ 66 sena tilef ħajtu fil-post tal-inċident wara li vettura baqgħet dieħla fis-serkin tiegħu li kien qed jinstaq quddiemha fir-Rabat fil-11 ta’ Marzu.

Dawn l-inċidenti kollha juru żieda meta mqabbel mal-2020, fejn kelna żewġ imwiet fl-ewwel kwart tas-sena… u ferm aktar mis-sena l-ohra meta kellna vittma wahda biss fit-toroq Maltin.