Internazzjonali

Franza: L-aħħar dibattitu bejn Macron u Le Pen qabel il-vot deċiżiv

Il-poplu Franċiż  qed jevalwa l-aktar punti ta’ interess li ħarġu mill-aħħar – u l-uniku – dibattitu wiċċ-imb-wiċċ bejn il-President ta’ Franza Emmanuel Macron u l-isfidanta, Marine Le Pen, qabel il-Franċiżi jivvutaw nhar il-Ħadd fit-tieni rawnd deċiżiv għall-Presidenza ta’ dan il-pajjiż.

Le Pen, bħala l-kap tal-partit radikali tal-lemin bl-isem ‘Rally Nazzjonali ( eks Front Nazzjonali)’, ħarġet bħala l-isfidanta ewlenija ta’ Macron fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni. U  minkejja li l-istħarriġ qed juriha f’distakk ma’ Macron, li hu politiku taċ-ċentru, xorta fadal il-miljuni tal-votanti Franċiżi li għadhom indeċiżi dwar min se jafdaw biex imexxi pajjiżhom għall-ħames snin li jmiss,.

Bħalma kien mistenni, id-dibattitu kellu mumenti jaħarqu, bil-kandidati rivali għall-Presidenza jikkonfrontaw lil xulxin dwar l-għoli tal-ħajja, ir-relazzjonijiet mar-Russja, il-bidliet fil-klima u l-immigrazzjoni. Intant, iż-żidiet kontinwi fil-prezz tal-affarijiet essenzjali huma l-issue li ddominat din il-kampanja, b’Macron u Le Pen it-tnejn jindirizzaw il-kwistjoni delikata waqt l-interventi rispettivi.

Madwar 15.6 miljun telespettatur segwew dan id-dibattitu fejn il-kandidati rivali ma naqsux mill-kritika tar-rekords rispettivi – b’Macron jakkuża lil Marine Le Pen bħala politiku dipendenti fuq il-Kremlin tar-Russja. Min-naħa tagħha, Le Pen, fost affarijiet oħra, akkużat lill-President Franċiż bħala ‘ipokrita’ meta, skont hi, Macron naqas milli jimplimenta l-programm li wiegħed biex jindirizza l-bidliet fil-klima.