George Hyzler, il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, ingħata vot qawwi ta’ approvazzjoni mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Kontroll tal-Budget fl-ewwel stadju biex isir Membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Fil-fatt, wara li ffaċċja sessjoni ta’ grilling, Hyzler kiseb 25 vot favur, żewġ voti kontra u astensjoni, bil-membri tal-Kumitat issa jgħaddu r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħhom lill-Plenarja tal-Parlament Ewropew.
Dan il-vot hu pass ieħor ‘il quddiem biex Hyzler ikun jista’ jibda l-mandat tiegħu wara li f’Settembru jintemm il-mandat ta’ sitt snin li kellu Leo Brincat. In-nomina mill-Prim Ministru Robert Abela biex din il-kariga Ewropea timtela’ minn Hyzler kienet saret magħrufa minkejja li kien għad fadallu kuntratt ta’ sena bħala l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Fl-erba’ snin li ilu jservi f’din il-kariga f’pajjiżna, Hyzler u l-Uffiċċju tiegħu ppreżentaw diversi rapporti li saħansitra wasslu għal riżenji ta’ membri fil-Kabinett Laburista. Fosthom Rosianne Cutajar wara li nqabdet li ma ddikjaratx dħul f’senserija minn bejgħ ta’ propjetà li fiha kien involut Yorgen Fenech.
Jekk il-pożizzjoni tiegħu fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri tkun approvata, l-għażla għal Kummissarju ġdid għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika trid issib l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra.
Sadanittant, f’messaġġ fuq Facebook, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li hu ċert li Hyzler se jaqdi dmiru b’mod serju, filwaqt li ttama li l-vojt kbir li se jkun qed iħalli f’pajjiżna jimtela’ mill-aktar fis.
//= $special ?>