L- offensiva kbira – u deċiżiva – li l-qawwiet Russi kellhom iwettqu fuq l-aħħar truppi Ukreni f’Mariupol baqgħet ma saritx, bil-Kremlin jiddeċiedi biex, minflok, jagħlaq kull aċċess għall-inħawi, bil-ħsieb li ‘id-difensuri jċedu jew jitħallew imutu bil-ġuh’.
L-aħħar grupp ta’ ġellieda Ukreni – li jista’ jammonta għal bejn 1,000 u 2,000 suldat – qed jiddefendi l-faċilità industrijali ta’ Azovstal li tipproduċi l-azzar u li tinkorpora wkoll xi sezzjonijiet taħt l-art.
Intant, ir-Russja – li diġà tilfet numru allarmanti ta’ suldati waqt l-invażjoni tal-Ukrajna – tidher li ma tridx tissogra li jmutulha aktar suldati waqt sensiela ta’ attakki fuq il-kumpless partikulari. Minflok il-President Russu Vladimir Putin ħareġ direttiva biex l-Armata tiegħu tagħlaq kull aċċess u l-madwar tal-faċilità ta’ Azovstal b’mod li ‘ma taħrabx imqar dubbiena mill-inħawi’.
Fl-istess ħin, Putin qal li r-Russi issa qed jikkontrollaw ‘il-kumplament ta’ Mariupol’ li għandha importanza kbira strateġika u li għandha sservi lir-Russi bħala ċentru minfejn imexxu l-azzjonijiet militari kontra l-militar Ukren f’reġjuni oħra tal-pajjiż.
Il-Mexxej Russu, fl-istess ħin, bagħat messaġġ ta’ kongratulazzjoni lill-Ministru tad-Difiża tar-Russja, Sergei Shoigu, ‘talli hu kkonkluda l-battalja għall-kontroll ta’ Mariupol’. Dan minkejja li l-aħħar ġellieda Ukreni fl-inħawi huma determinati li jirreżistu xorta waħda lill-magna tal-gwerra tal-Kremlin li, fl-aħħar ġimgħat, qerdet il-parti kbira nett ta’ din il-belt.
Fl-istess ħin il-kelliema għall-Kremlin ta’ Moska qalu li Mariupol spiċċat ‘illiberata mill-elementi Nażisti u faxxisti’ bħala parti mill-propaganda li qed juża Putin biex jiġġustifika l-gwerra.
Il-belt ta’ Mariupol, fl-aħħar ġimgħat, ġarrbet waħda mill-agħar assedji mindu l-qawwiet Russi invadew lill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar. U waqt li fl-aħħar sigħat setgħu jitilqu numru ta’ ċivili mill-inħawi, l-eżodu ppjanat tal-familji minn Mariupol baqa’ jsib l-intoppi kbar sal-bieraħ.
//= $special ?>
