Il-kawża li kien fetaħ il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ rikors kostituzzjonali kontra l-PBS, l-Awtorità tax-Xandir, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, u l-Avukat tal-Istat se tiġi deċiża nhar il-Ħamis, 14 ta’ Lulju fid-9.00am.
Meta kompliet il-kawża quddiem l-Imħallef Grazio Mercieca l-Professur Ian Refalo li qed jirrapreżenta liċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir li fl-aħħar seduta qal li ma kienx ċert jekk għandu provi xi jressaq, permezz ta’ nota qal li minn naħa tiegħu m’għandux.
Sadanittant kif kien ikkonfermat fl-aħħar seduta l-partijiet l-oħra ma baqalhomx aktar provi fil-każ bil-partijiet issa għandhom jippreżentaw noti ta’ sottomissjonijiet (argumenti) lill-Qorti fuq punti ta’ dritt.
Il-Partit Nazzjonalista, li fl-assenza tal-Avukat Paul Borg Olivier li kien impjenat b’xogħol legali ieħor, kien irrappreżentat mill-Avukat Joseph Grech fejn ġie deċiż li għandu sas-26 ta’ Mejju biex huwa jippreżenta s-sottomissjonijier tiegħu.
Wara li jgħaddi dan it-terminu se jingħata żmien lill-partijiet l-oħra sat-23 ta’ Ġunju biex jagħmlu l-istess bil-partijiet kollha jaqblu li fl-14 ta’ Lulju l-Qorti tagħti s-sentenza tagħha.
Il-Qorti tat ukoll ċans lill-partijiet biex jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom viva voce, bl-Avukat tal-Istat Chris Soler jgħid li fl-opinjoni tiegħu dan mhux neċċessarju. Dwar dan il-punt kien hemm qbil u għalhekk il-kawża kienet appuntata għas-sentenza.
Il-PN ilu jikkontendi li f’diversi ħinijiet tal-ġurnata x-xandir pubbliku wera programmi li wasslu sfaċċatament il-messaġġ tal-Gvern, fosthom fil-bullettin tat-8pm. L-aħbarijiet marbuta mal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech waqt il-kampanja elettorali kienu qed jinħbew ‘u ma ngħata l-ebnda servizz ta’ Dr Grech biex jgħid il-proposti tal-Partit Nazzjonalista.
Fi żmien il-Budget, l-Awtorità tax-Xandir kienet sabet li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun meta lmenta dwar ix-xandir tar-reklami tal-Budget mill-Gvern. U l-Awtorità tax-Xandir tat rimedju lill-PN biex ixandar 15-il minuta reklami fuq ix-xandir pubbliku, anke jekk il-PBS xandar riklam tal-Gvern qabel u wara r-reklami tal-Partit Nazzjonalista.
L-Avukat Francis Zammit Dimech huwa wkoll parti mit-team legali tal-PN. Edward Gatt, flimkien mal-Avukat Mark Vassallo qed jidher għall-PBS filwaqt li l-Avukat Chris Cilia qed jidher għall-eks Ministru Carmelo Abela li dak iż-żmien kellu hu l-kontroll tal-PBS.
//= $special ?>