Knisja Lokali

Il-Knisja f’Malta se tiġbor affarijiet essenzjali għall-Ukreni

Il-Knisja f’Malta reġgħet qed tkun ta’ spalla għal min hu fil-bżonn, b’inizjattiva oħra din id-darba b’risq il-vittmi tal-gwerra fl-Ukrajna.

Fil-fatt, b’ħidma kkordinata bejn l-Arċidjoċesi u l-Koperattiva LOOP, diversi Parroċċi madwar Malta se jkunu qed jiġbru affarijiet bażiċi essenzjali, bħal ikel tat-trabi, frott, ħaxix u laħam fil-bottijiet. Din il-ġabra se tkun qed issir fil-Knejjes Parrokjali tal-Imqabba, in-Naxxar, Pembroke, il-Qawra u Marsaskala s-Sibt li ġej bejn is-1pm u s-7pm.

Il-Koperattiva LOOP hi koperattiva soċjali tal-Parroċċi Maltin, iffurmata minn diversi entitajiet tal-Knisja f’Malta, li jaħdmu mill-qrib mal-batut u ma’ dawk fil-bżonn.

Fil-ġabra se jkunu aċċettati wkoll ħalib long-life, juices, cereal bars, ikel li jsir malajr bħal noodles, ħrieqi tat-tfal u tal-adulti, kif ukoll diżinfettanti, prodotti għall-iġene personali għall-irġiel u għan-nisa, toothpaste u mouthwash, sleeping bags, kutri, vacuum flasks kbar, lampi rechargeable u power banks għall-mobile phones, fost oħrajn, bil-lista kompla ta’ affarijiet li se jkunu aċċettati tinsab hawn.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi spjegat li l-affarijiet se jintbagħtu lejn l-Ukrajna f’kontejner u hemm se jitqassmu minn Caritas Ukraine, li fis-sitwazzjoni preżenti qed tgħin aktar mill-qrib lil tfal, nisa u anzjani li qed jaħarbu mill-gwerra.