Lokali Qorti

Il-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Mario Farrugia differità għax l-akkużat ittestja pożittiv għall-Covid-19

Il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Elliott Paul Busuttil, ir-raġel akkużat li qatel lil Mario Farrugia u ħeba ġismu f’karozza f’Ħal Qormi, ġiet differitá wara li l-akkużat irriżulta pożittiv għal Covid-19. Farrugia kien deher l-aħħar fit-28 ta’ Marzu fil-viċinanzi tad-dar tiegħu f’Pembroke.

Rapport ta’ persuna nieqsa mill-pulizija kien indika li r-raġel kien qed juża Peugeot 407 griża. Il-karozza nstabet fil-5 ta’ April fil-Wied ta’ Ħal Qormi, bil-katavru ta’ Farrugia jinstab fil-bagoll fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni. It-testijiet tad-DNA kkonfermaw l-identità tal-mejjet.

L-awtopsja sabet li Farrugia ġarrab diversi daqqiet ta’ sikkina f’sidru u fil-pulmun. Sussegwentement Busuttil ġie arrestat f’rejd tal-pulizija. Huwa jinsab akkużat b’omiċidju volontarju, pussess ta’ armi illegali, ġarr ta’ sikkina fil-pubbliku, ħeba l-kadavru, ksur tal-kundizzjonijiet tal-pleġġ, u reċediv, fost akkużi oħra.

Huwa qed jiċħad l-akkużi. Il-Qorti kienet allokat tliet sigħat għas-seduta tal-Ħamis, li fiha kienu mistennija jixhdu żewġ spetturi tal-pulizija u qarib tal-vittma. Iżda meta l-każ ssejjaħ quddiem il-maġistrat Astrid May Grima l-Ħamis filgħodu, l-avukat Ishmael Psaila, avukat difensur flimkien mal-avukat Edward Gatt, infurmaw lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien f’iżolament mediku, wara li rriżulta pożittiv għal Covid-19.

Ġie esebit ċertifikat mediku. Is-seduta ġiet aġġornata għal Ġimgħa, 6 ta’ Mejju fid-9.00am.. L-Ispetturi Wayne Camilleri, Kurt Zahra u John Paul Attard qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila huma avukati difensuri. F’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dehru l-avukati George Camilleri, Kaylie Bonnettt u Maria Schembri. L-avukati Arthur Azzopardi, Keith Borg u Jacob Magri qed jirrappreżentaw lill-familja tal-vittma bħala parte civile