Internazzjonali

Ingilterra: Ir-Reġina Eliżabetta tiċċelebra għeluq is-96 sena f’Sandringham

Ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra qed tiċċelebra għeluq is-96 sena tagħha flimkien ma’ qrabatha u grupp ta’ ħbieb antiki li nġabru magħha f’dar żgħira – proprjetà tal-Familja Rjali – f’Sandringham, fil-county ta’ Norfolk.

Ir-Reġina għandha l-itwal renju fost il-Kapijiet kollha tal-monarkija Britannika u r-rapporti qalu li hi għażlet li tqatta dan il-jum f’Sandringham għaliex l-eks-żewġha, il-mibki Prinċep Philip, kien iħobb iqatta’ il-perjodi trankwilli f’dawn l-inħawi.

Intant, fl-aħħar sigħat ħareġ ritratt uffiċjali biex jimmarka għeluq snin ir-Reġina u li juri lil Eliżabetta ma’ żewġt iżwiemel żgħar. Dan jirrifletti l-imħabba kbira li r-Reġina dejjem kellha għaż-żwiemel sa minn tfulitha bħala prinċipessa.

Fl-aħħar sigħat ukoll ma naqsux il-messaġġi ta’ kongratulazzjoni u eloġji lir-Reġina – fosthom mingħand il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, li sellmilha għas-snin twal ta’ servizz dedikat tagħha lill-pajjiż.

Ir-Reġina Eliżabetta, fl-aħħar xhur, kienet qed tbati minn problemi ta’ mobbilità u b’riżultat ta’ dan ma setgħetx tattendi għal diversi avvenimenti pubbliċi, fosthom is-servizzi reliġjużi tal-Ġimgħa Mqaddsa. L-unika darba li hi dehret fil-pubbliku, din is-sena, kien proprju jiem ilu waqt is-Servizz ta’ Radd il-Ħajr għall-memorja tal-Prinċep Philip, f’Westminster Abbey.

Intant, is-96 ‘birthday’ tar-Reġina Eliżabeta jimmarka tragward ieħor bla preċedent għall-Kap tal-Monarkija Britannika. Dan meta r-Reġina, issa, saret l-ewwel Kap tal-Monarkija  li ċelebrat 70 sena – f’dan il-każ il-Ġublew tal-Platinum  —  fuq it-tron tal-Ingilterra,

Qabilha kien hemm ir-Reġina Victoria u r-Re George III li għexu sa 81 sena u li – minbarra r-Reġina Eliżabetta – huma l-uniċi mexxejja tal-monarkija Britannika li għexu daqshekk fit-tul.

Minkejja li r-Reġina Eliżabetta twieldet fil-21 ta’ April, din mhix l-unika data fejn ikun iċċelebrat għeluq sninha. Dan għaliex ir-Reġina għandha wkoll ċelebrazzjoni uffiċjali għal għeluq sninha fit-tieni Sibt ta’ Ġunju – bħala tradizzjoni li ilha miż-żmenijiet tar-Re Edward VII, li miet fl-1910 u li kien il-bużnannu ta’ Eliżabetta.

Għaldaqstant, il-jum uffiċjali għal għeluq snin ir-Reġina, kull sena, ikun imfakkar bil-parata militari magħrufa bħala Trooping the Colour. Din is-sena, il-parata partikulari se ssir nhar il-Ħamis, it-2 ta’Ġunju, biex tikkoinċiedi mal-attivitajiet tal-Ġublew tal-Platinum ( fir-Renju Unit u madwar il-pajjiżi tal-Commonwealth) li jfakkru s-70 anniversarju mindu Eliżabetta kienet ikkonfermata Reġina, fl-1952.