Hekk kif ġie rrapurtat anke permezz ta’ filmat mis-sit elettroniku timesofmalta.com, illum l-irwiefen li kien hawn fuq il-gżejjer Malti wasslu biex ammonti kbar ta’ plastik u tip ta’ skart ieħor jiġu mtajra ma’ kullimkien fl-Impjant tal-Magħtab u b’ħafna minn dan jispiċċa fil-baħar u anke fix-xagħri tal-madwar.
Dan ħareġ fi stqarrija maħruġa mill-Kelliema għall-Ambjent, Ħolqien ta’ Spazji ġodda u Drittijiet tal-annimali, Janice Chetcuti f’isem il-PN fejn tkompli li dan ser jkollu mhux biss impatt viżiv iżda ħafna agħar minn hekk impatt ambjentali drastiku. Skond riċerki varji l-plastik jieħu mijiet twal ta’ snin biex jiddikomponi u jispiċċa, b’theddida kbira għal bio-diversitá.
Bħala Partit Nazzjonalista ningħaqdu mal-karba li saret illum stess minn ħafna NGOs li bħalna għandhom għal qalbhom kemm il-ħarsien tal-Ambjent u kif ukoll tal-Annimal. Irridu nagħmlu l-almu tagħna kollu biex nipproteġu u mhux inkomplu nħassru dan kollu. Is-sit ta’ madwar dan l-impjant huwa wieħed ta’ importanza ekoloġika kbira u għaldaqstant jirrikjedi protezzjoni assoluta.
Ma fadalx żmien x’ nistennew, il-ħsara kontinwa li qed tiġri trid tiġi kkontrollata minnufih.
//= $special ?>