Fis-sigħat li għaddew ġie arrestat Ryan Schembri, il-Malti li ilu mill-2014 maħrub minn pajjiżna.
Net News jista’ jikkonferma li Schembri ġie arrestat fl-Iskozja. Fuq ismu kien hemm arrest warrant illi inħareġ mill-Interpol snin ilu.
Ilbieraħ dan is-sit bagħat serje ta’ domandi lill-Korp tal-Pulizija, li iżda baqgħu mhux imwieġba.
Kien il-Ħamis meta mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta telqu numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija biex iġibu lil Schmebri lejn pajjiżna. Ryan Schembri bħalissa qed jaffaċja akkużi serjissimi dwar frodi u ħasil ta’ flus, filwaqt li ismu feġġ ukoll fil-każ delikat marbut mal-qtil tal-avukat Carmel Chircop.
Rapporti fl-aħħar xhur kienu indikaw illi Chircop kien sellef lil Schembri mat-tliet kwarti ta’ miljun ewro, fiż-żmien meta l-istess Schembri kien wieħed mid-Diretturi tal-More Supermarkets. Wara li l-istess supermarkets fallew, Ryan Schembri kien ħarab mill-pajjiż – u miljuni kbar qatt ma ġew irkuprati, inkluż is-€750,000 li kien silifhom Carmel Chircop.
Wara Schembri, il-katina ta’ Supermarkets kienu għaddew f’idejn Darren Casha.
L-avukat Chircop kien inqatel f’Ottubru tal-2015. U sena wara, Darren Casha kien fetaħ kawża l-Qorti fejn insista li Schembri daħak bih.
B’rabta mal-assassinju ta’ Chircop, hemm akkużat ukoll Adrian Agius – persuna li ġie arrestat wara li inkixef riżultat tal-maħfra li ħa Vince Muscat.
//= $special ?>