Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘Il-konflitt jista’ itawwal sal-aħħar tas-sena d-dieħla’

 

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Indja, qal li hemm ‘possibbiltà realistika’ li l-Gwerra tal-Ukrajna ddum għaddejja sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Dan meta l-bumbardamenti tar-Russi fuq l-ibliet tal-Ukrajna x’aktarx li j komplu għal xhur konsekuttivi, skont l-informazzjoni tas-servizzi sigrieti li qed jissorveljaw l-iżviluppi ta’ dan il-konflitt. Intant, Boris Johnson, waqt diskors f’Delhi, qal li ‘għalkemm Vladimir Putin ( il-President tar-Russja) għandu Armata kbira, hu anki minnu li d-deċiżjoni tiegħu biex jinvadi lill-Ukrajna kienet żball katastrofiku’.

Johnson qal ukoll li Putin, issa, spiċċa f’pożizzjoni diffiċli ferm minn lat politiku u li issa, ‘l-uniku triq li fadallu hija offensiva fit-tul – bl-artillerija, it-truppi u l-ajruplani tal-gwerra – bħala parti mill-kampanja ta’ qerda fl-Ukrajna u fejn iċ-ċivili Ukreni qegħdin ibatu kontinwament mill-aġir tal-Kremlin’.

Madankollu, il-Prim Ministru Johnson qal li Vladimir Putin – irrispettivament mis-superjorità militari tal-Kremlin – mhu se jirnexxilu qatt ikisser l-ispirtu tal-poplu Ukren.

Boris Johnson iddiskuta l-gwerra fl-Ukrajna mal-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi u sostna li Modi kien ‘konkret fi kliemu’ dwar l-aħħar azzjonijiet qattiela li seħħew fil-belt Ukrena ta’ Bucha u l-madwar.

Dan meta l-qawwiet ta’ Putin huma akkużati li wettqu numru ta’ atroċitajiet fuq il-poplu ċivili ta’ Bucha fost il-massakri tal-irġiel, in-nisa u t-tfal f’dik iz-zona.

Johnson żvela wkoll li l-Prim Ministru Indjan ‘intervjena diversi drabi biex jistaqsi lill-President tar-Russja x’jaħseb li għandu jattwa b’dan l-aġir’. Il-Prim Ministru Britanniku kompla li Narendra Modi ‘irid li r-Russi joħorġu mill-Ukrajna u li jkun hemm il-paċi mill-ġdid fir-reġjun.’

Sadanittant, ir-Renju Unit, ix-xahar id-dieħel, se jerġa’ jiftaħ l-ambaxxata tiegħu fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna. Għaldaqstant, il-Britanniċi qed jissieħbu ma’ pajjiżi oħrajn li qed jirritornaw il-missjonijiet diplomatiċi fi Kiev wara l-irtirar tal-Armata Russa mit-Tramuntana tal-Ukrajna.