Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-President Zelensky jinsisti li l-kisbiet tar-Russi fl-artijiet tal-lvant huma biss ‘temporanji’

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li l-aħħar kisbiet tal-qawwiet Russi fil-lvant tal-pajjiż huma biss temporanji u li l-istess qawwiet, ‘il quddiem, se jkunu kostretti li jirtiraw lura mill-fruntiera lejn ir-Russja.

Zelensky qal dan wara li l-qawwiet Russi, fl-aħħar sigħat, kienu ħatfu l-kontroll ta’ għexieren ta’ villaġġi lejn il-lvant tal-Ukrajna. Dan waqt li l-Gvern fi Kiev jinsab konvint li t-truppi tal-Kremlin mhumiex se jirnexxilhom javvanzaw ‘il hinn minn dawn iz-zoni ‘minħabba l-ostakoli li se jsibu quddiemhom’.

Fil-fatt, il-President Ukren hu fiduċjuż li l-qawwiet ta’ Vladimir Putin, ‘il quddiem, ‘se jkollhom ibaxxu rashom għal sitwazzjoni mitlufa u fejn ikunu kostretti li joħorġu mill-Ukrajna.’

Intant, il-battalji għall-kontroll tal-Ukrajna tal-Lvant mistennija jkomplu għal xhur bejn it-truppi Ukreni u l-Armata tal-Kremlin, megħjuna mis-separatisti fid-Donbas li huma alleati ta’ Moska.

Xi kmandanti militari ewlenin tar-Russja anki kienu kwotati fis-sens li Moska qed taħseb biex taħtaf il-kontroll sħiħ tar-reġjuni Ukreni lejn in-nofsinar ‘u daqstant ieħor’ l-artijiet tad-Donbas. Mhux ċar, iżda, jekk dawn il-kummenti kenux uffiċjalment sanzjonati mill-Kremlin.