Ir-Russja qed tidher li lesta tagħmel ‘minn kollox’ biex in-NATO ma tespandix aktar lejn it-territorji viċin ta’ Moska. Dan waqt li l-Kremlin qed iwissi mill-ġdid lill-Finlandja u l-Iżvezja dwar ‘il-konsegwenzi’ jekk kemm-il darba l-pajjiżi Skandinavi jibdew jiffurmaw parti mill-alleanza militari tal-Punent.
Kelliema għall-Gvern Russu qalu – f’theddida ċara — li l-Finlandja u l-Iżvezja ‘it-tnejn kienu avżati dwar x’jista’ jinqala’’ f’każ li huma jabbandunaw il-ftehim dwar in-newtralità li ilhom isegwu għal għexieren ta’ snin u jagħżlu ‘it-triq lejn in-NATO’.
Is-sorsi qrib il-Kremlin qalu li l-Finlandja u l-Iżvezja ‘jafu b’din it-twissija (minn Moska) li twasslitilhom pubblikament u mill-imkejjan bilaterali’. L-istess sorsi f’Moska qal ukoll li l-Finlandiżi u l-Iżvediżi ‘mgħandhomx iħossuhom sorpriżi dwar l-iżviluppi li jistgħu jseħħu ( f’każ li huma jissieħbu fin-NATO) għaliex id-diplomati tar-Russja ħadu ħsieb li jinfurmawhom dwar ‘kull xenarju possibbli’.
Stħarriġ pubbliku ġdid fl-Iżvezja wera li l-appoġġ għal sħubija fin-NATO fost il-poplu tela’ għal 57 fil-mija mill-51 fil-mija rreġistrat f’Marzu. Dan wara li l-Prim Ministru tal-Iżvezja, Magdalena Andersson, qalet li wasal iż-żmien li pajjiżha jiddibatti l-merti tal-isħubija fin-NATO.
Intant, il-politiċi fil-Finlandja diġà bdew jiddibattu r-rabtiet ta’ pajjiżhom man-NATO – bil-Prim Ministru Sanna Marin tisħaq li qed tistenna li d-deċiżjoni dwar l-isħubija potenzjali ta’ pajjiżha fl-Alleanza tkun ikkonfermata fi kwistjoni ta’ ġimgħat.
Il-Finlandja ilha l-għexieren tas-snin marbuta ma’ politika ta’ newtralità li kienet bdiet bħala parti minn patt mal-eks Unjoni Sovjetika. Madankollu, iċ-ċirkustanzi għal dan il-pajjiż issa nbidlu bil-kbir wara l-invażjoni tal-Ukrajna mill-Armata tar-Russja.
Min-naħa tagħha, l-Iżvezja għandha tradizzjoni antika ta’ newtralità iżda fl-istess ħin qed tqis li s-sigurtà tagħha spiċċat ‘marbuta b’mod konkret’ ma’ dik tal-Finlandja.Kemm l-Iżvezja kif ukoll il-Finlandja, kmieni dan ix-xahar, għamlu pass sinifikanti lejn sħubija fl-Alleanza tan-NATO meta l-Prim Ministri Andersson u Marin ħabbru ( waqt konferenza tal-aħbnarjiiet) li l-pjan speċifiku kien taħt kunsiderazzjoni.
//= $special ?>