Ma waqafx il-kalvarju għall-mijiet tas-suldati Ukreni u ċivili li jinsabu magħluqin fil-kumpless industrijali ta’ Azovstal fil-belt tal-port ta’ Mariupol.
Madankollu,hemm indikazzjonijiet li l-qawwiet tar-Russja kapaċi jieqfu mill-isparar fl-inħawi u jippermettu biex l-aħħar difensuri Ukreni u ċivili jitilqu mill-faċilità dment li dawk is-suldati jċedu l-armi. Il-kelliema f’Moska qalu wkoll li l-Ministeru tad-Difiża Russu jinsab lest għal ‘waqfien mill-ġlied b’għan umanitarju ( f’Mariupol)’ iżda l-Ukreni, baqgħu ma weġbux għal din il-proposta.
Il-President Vladimir Putin, intant, qed jinsisti li l-belt ta’ Mariupol tinsab ‘taħt il-kontroll assolut tal-qawwiet ta’ Moska’ iżda l-Ukrajna sostniet li grupp ta’ morini u suldati oħra għadhom qed jiddefendu ‘b’suċċess’ il-kumpless ta’ Azovstal. Dan waqt li s-Sindku ta’ Mariupol kien qed jappella għal ‘evakwazzjoni sħiħa’ tan-nies minn din il-faċilità.
Fi żvilupp ieħor, numru ta’ ritratti bis-satellita qed jidhru li indikaw numru ta’ oqbra tal-massa barra Mariupol, bir-Russi ma jitkellmu xejn dwar l-allegata sejba.
//= $special ?>