Lokali Qorti

Il-prosekuzzjoni tgħid li l-provi jippontaw kollha lejn l-akkużat, d-difiża tgħid li hija storja vvintata: Il-ġuri fuq 50 kilo cannabis

Il-prosekuzzjoni fil-ġuri tal-Eġizzjan mixli b’involviment fi pjan li ma rnexxiex biex fl-2010 tiddaħħal 50 kilo raża tal-cannabis f’Malta qalet li l-ġurati i l-provi huma ċari u kollox jipponta lejn Ahmed El Fadalli Enan ta’ 52 sena akkużat b’assoċjazzjoni bi skop ta’ traffikar ta’ droga.

Madankollu fit-tweġiba tiegħu l-Avukat Simon Micallef Stafrace li qed jidher għall-Eġizzjan qal li x-xhud ewlinei fil-ġuri, Tano Farrugia gideb kemm felaħ fuq l-akkużat. Tenna li Farrugia ivvinta storja u waddab kollox fuq Enan biex jipprovi jiskolpa lilu nniffsu.

L-Avukat Godwin Cini, li flimkien mal-Avukat Kevin Valletta f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal lill-ġurati fir-replika tiegħu għal dak li qalet id-difiża li l-akkużat li ilu jgħix Malta 29 sena, għandu jinstab ħati. “Il-provi huma ċarissimi u l-persuni li tressqu biex jixhdu fil-Qorti Tuneżina u dawk li xehdu f’dan il-ġuri kollha jsemmu lil Enan li saħansitra kellu pjan biex idaħħal Malta 100 kilo raża tal-cannabis.

Cini qal lill-ġurati kif jista jkun dawn kollha qed jigdbu fil-konfront tal-akkużat kif qal hu fix-xhieda tiegħu u saħaq li Enan kważi pprova wkoll jagħti x’jifhem li anke l-Pulizija biddlu dak li qal hu fl-istqarrija li tahom. Qal ukoll lill-ġurati kien huwa jista’ jiġi jitwemmen meta qal li ttrasferixxa flus lil mara li qatt ma kellu konnoxxenza tagħha u dan sempliċiment fuq talba ta’ Għarbi.

L-avukat tal-AĠ qal li kollox huwa ċar u u l-verità hi li bagħat il-flus bħala ħlas għad-droga. Tenna li punt importanti huwa li x-xhieda kollha indikaw in-numru tal-mobile tal-akkużat bħala l-mezz li bih ikkuntattjawh fuq il-pjan. Qal ukoll li ma jistax jifhem kif wara 10 snin kien issa li d-difiża qed tipprova tqajjem dubji dwar l-istqarrija li l-Eġizzjan ta lill-Pulizija fejn issa qed jgħid li ma ffirmahiex għax bidlulu il-kontenut ta’ dak li qal.

“L-akkużat jibqa’ jirrepeti li ma jaf lil ħadd minn dawk li semmewh bħala kompliċi. Id-difiża qed isssemmi fil-każ diversi drabi lil ċertu Karl Pace, li llum mejjet, Dan qed tagħmlu biex tipprova ddaħħal dubji”, qal l-avukat prosekutur. Cini qal lill-ġurati li l-prosekuzzjoni hija moralment konvinta li l-akkużat huwa ħati u qal li x-xhieda ta’ Tano Farrugia, ix-xhud ewlieni fil-ġuri, hija l-aħjar prova għax huwa ersperjenza l-każ.

“Farrugia huwa xhud kredibbli għax dejjem kien konsistenti ma’ dak li xehed fit-Tuneżija kif ukoll f’Malta u u kien hu li ħallas il-prezz għax inqabad bid-droga. Kieku ma qalx li kien hemm 50 kilo oħra raża tal-cannabis li kellhom jaslulu ma kienx se jiġ’i kundannat 20 sena ħabs, kif weħel mill-Qorti Tuneżina, qal il-prosekutur Cini.

L-avukat Simon Micallef Stafrace minn naħa tiegħu ma qabel xejn dwar dan u tenna li fil-provi mressqa mill-prosekuzzjoni ma ppruvatx li huwa ħati. Micallef Stafrace fil-kontro-replika tiegħu fil-ġuri ta’ Ahmed El Fadalli Enan qal li d-droga nstabet fuq Tano Farrugia fit-Tuneżija u biex jiskansaha dan tefagħha fuq l-akkużat u ivvinta l-istorja li bagħtu Enan.

L-Avukat qal li l-verżjoni li ta Farrugia ma tagħmilx sens u staqsa jekk kienx l-istess Farrugia wara l-pjan u skont hu l-Pulizija Tuneżina dendlu karrotta lil Farrugia meta qalulu li jekk isemmi isem jibgħatuh lura Malta u nsista li għalhekk l-aħwa Farrugia semmew lill-akkużat biex jeħel hu.

Sostna li huwa jemmen lill-akkużat meta dan jgħid li ma jagħmilx sens li jekk hu l-moħħ jittrasferixxi flus fuq ismu. Huwa qal ukoll lill-ġurati li ma jfissirx li għax sar trasferiment ta’ flus l-Eġizzjan għandu jinstab ħati ta’ assoċjazzjoni għal skop ta’ traffikar.

Il-każ feġġ meta Tano Farrugia, eks player tal-football ta’ Msida S.J. kien arrestat mill-Pulizija Tuneżina f’kamra ta’ lukanda fejn instabet il-50 kilo raża tal-kannabis. Huwa kien ċempel lil ħuh Adrian li nforma lill-Ispettur Dennis Theuma, illum Assistent Kummissarju, li dak iż-żmien kien responsabbli mit-taqsima ta’ kontra d-droga.

Il-Pulizija Maltija arrestat lil Enan u akkużatu b’kompliċità f’dan il-pjan. Dan il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Tano Farrugia qal fil-Qorti li kien Enan li bagħtu biex jirranġa ħalli d-droga tiġi b’dgħajsa u li għal din il-biċċa xogħol l-Eġizzjan kien wegħdu €30,000 għal 100 kilo jew €15,000 għal nofs dan l-ammont.

Farrugia għamel dan kollu għax kellu bżonn il-flus biex jagħmel tajjeb għad-dejn li spiċċa fih minħabba li falla fin-negozju. Anke ħuh Adrian Farrugia nsista fix-xhieda tiegħu li Enan ammetta li kien hemm drabi oħra fejn kien involut fit-traffikar tad-droga li mill-Marokk kienet tgħaddi għall-Alġerija mbagħad għat-Tuneżija. L-akkużat, għandu jiddefendih lill-Avukat Simon Micallef Stafrace, u qed jgħid li l-aħwa Farrugia u l-provi tal-prosekuzzjoni huwa “kollu paroli”.