Żagħżugħ ta’ 24 sena li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tfajla taħt l-età ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest u nżamm taħt il-kustodja tal-pulizija. Ir-raġel, li huwa miċ-Chad u jgħix Birkirkara b’impjieg fl-industrija tal-kostruzzjoni ġie akkużat li kkorrompa tfajla ta’ 15-il sena.
Il-każ ġie żvelat meta l-ġenituri tat-tifla marru fl-uffiċċji tal-Viċi Skwadra tal-pulizija biex jirrappurtaw l-inċident, li huwa rrappurtat li seħħ fl-20 ta’ Marzu, spjegat l-Ispettur Kylie Borg li kienet qed tmexxi l-prosekuzzjoni. Aktar tard instab li huwa kellu profil falz fuq Facebook.
L-akkużat, li ma jistax jissemma biex jipproteġi l-identità tal-minuri, ġie ntraċċat mill-pulizija u arrestat. Apparti korruzzjoni ta’ minorenni, jinsab akkużat ukoll li kien involut f’attività sesswali ma’ minorenni, li ftiehem biex ikollu laqgħa mal-minuri u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja imposti s-sena li għaddiet fi proċeduri separati.
Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal talba għall-ħelsien mill-arrest, u sostniet li l-akkużat m’għandux rabtiet f’Malta u li l-minuri għad trid jixhed. Madankollu, l-avukat difensur Noel Bianco irrisponda li kienet l-allegata vittma stess li kkomunikat mal-akkużat u ssuġġeriet li jiltaqgħu. “Kienet stedina,” sostna Bianco, filwaqt li rrimarka li l-pulizija kellha aċċess għall-messaġġi WhatsApp li t-tnejn kienu skambjaw.
Il-minuri hija wkoll ftit jiem biss ‘il bogħod minn tagħlaq 16-il sena f’April stess, żied jgħid l-avukat. Barra minn hekk, l-akkużat kien ikkopera mal-investigaturi, mar għand il-pulizija meta ġie bagħtu għalih u qed jirriskja li jitlef ix-xogħol u dak kollu li kien ħadem għalih jekk tiġi miċħuda il-libertà proviżorja.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet il-qorti, ippreseduta mill-maġistrat Noel Bartolo, ċaħdet it-talba fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, in-natura tal-akkużi u l-biża’ ta’ tbagħbis tal-provi. Il-Qorti laqgħet ukoll talba taż-żewġ partijiet u ordnat projbizzjoni fuq l-ismijiet kemm tal-vittma kif ukoll tal-akkużati, sabiex tiġi salvagwardjata l-identità tal-minuri. L-Ispettur Ritienne Gauci u l-avukat tal-AĠ Kaylie Bonnett ukoll kienu parti mill-prosekuzzjoni.L-Avukat Ibtisam Sadegh kien ukoll avukat difensur.
//= $special ?>