Ir-riefnu li ħakem il-kosta Maltija u l-mewġ qawwi li kellna fl-aħħar 24 siegħa, wassal għal traġedja fil-bajja ta’ Marsaxlokk – il-mewt ta’ raġel anzjan, illi ttella’ bla ħajja mill-baħar kmieni l-Ġimgħa filgħodu. Dan wara li l-jott illi kien jgħix fuqu spiċċa tkaxkar mill-mewġ sal-breakwater.
Kien il-Ħamis għall-ħabta ta-7pm, meta l-Pulizija ġiet informata illi l-jott inqata’ mill-irmiġġ u nqabad mal-breakwater kawża tal-mewġ qawwi li kien hemm fil-port.
Fuq dan il-jott kien jgħix raġel Ingliż li għandu 77 sena u li ġie identifikat bħala l-vittma.
Xlukkajri li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-anzjan kien bniedem ta’ ftit kliem, li kienu jarawh ħafna drabi idur max-Xatt jew fuq il-monti biex jagħmel ix-xirja tiegħu. Oħrajn qalulna li kienu jaghtuh daqqa t’id biex itella’ x-xirja fuq il-jott – illi kien jużah bħala d-dar tiegħu.
Fil-post issejħu l-membri tal-forzi armati u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili illi assistew fit-tfittxijiet. Sakemm il-katavru ittella’ mill-baħar kmieni l-Ġimgħa filgħodu.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>