Lokali Unjoni Ewropea

L-Awtoritajiet Maltin “ma kinux kapaċi jwieġbu mistoqsijiet sempliċi”

Ma kinux “kapaċi jwieġbu mistoqsijiet sempliċi” dwar frodi u korruzzjoni f’Malta. – Hekk qalet il-Prosekutur tal-Frodi tal-Unjoni Ewropea, Laura Codruţa Kövesi, meta tkellmet dwar proċess li għaddej minnu l-Gvern Malti.

Kövesi tmexxi l-uffiċċju li huwa responsabbli li jidentifika u jwaqqaf reati finanzjarji fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Meta kienet qed tindirizza lill-Membri tal-Parlament Ewropew, Kövesi saħet li minkejja li l-Gvern Malti qal li se jaħdem kontra l-korruzzjoni u l-frodi, għadu mhux jieħu azzjoni fuq dan is-suġġett.

Wara jumejn ta’ laqgħat mal-awtoritajiet ta’ pajjiżna, il-Prosekutur sabitha diffiċli biex tidentifika l-istituzzjoni li tinvestiga dawn ir-reati. Dan meta, Kovesi qalet li kull istituzzjoni tefgħet it-tort fuq istituzzjoni oħra u kulħadd spiċċa jwaħħal f’kulħadd.

Fl-aħħar sigħat, Kovesi wisset li f’Malta, il-kriminalità mhix qed tiġi rrapurrtata. Hawnhekk saħqet li pajjiż ma jistax jiddependi biss fuq il-ġurnalisti biex tibda tittieħed azzjoni jew biex issir ġustizzja.

Kważi kull stat membru tal-UE iffirma ftehim biex jgħinu lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-UE jiġġieled kontra reati finanzjarji.

Filwaqt li l-istati membri fetħu s’issa, 576 każ ta’ korruzzjoni u frodi, il-Gvern Malti huwa l-unika li ma fetaħ ebda investigazzjoni.