Kultura Lokali

L-ispiża tal-Film Awards ta’ Jannar se tkun ippubblikata “fil-jiem li ġejjin”

Sirna nafu li kienu se jsiru l-Film Awards f’Settembru tas-sena li għaddiet. Is-serata tal-awards saret fl-aħħar ta’ Jannar li għadda. Għaddew 7 xhur minn meta tħabbret id-data tal-awards. Għaddew tliet xhur minn meta saret is-serata finali. Iżda sal-lum, il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo għadu ma qalx kemm swew dawn l-awards.

Ftit jiem wara l-awards, Bartolo kien qalilna li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar u li l-poplu kien se jkun jaf kemm inteffqu flus mit-taxxi, “f’ħinu u f’waqtu.” Matul il-Kampanja Elettorali, Clayton Bartolo kien mill-ġdid mistoqsi dwar din it-tema fejn ta spjegazzjoni differenti iżda ma tax dettalji tan-nefqa. Hawnhekk kien semma’ li ninsabu f’Kampanja Elettorali. Il-Ministru kien mistoqsi għal darb’oħra ftit jiem wara iżda r-risposta ma kinetx inbidlet.

Minn dakinhar, kważi għaddew xahrejn. U issa li għaddiet il-kampanja, u issa li Clayton Bartolo reġa’ kien maħtur Ministru inkarigat mis-settur tal-films, erġajna staqsejna għad-dettalji li l-media ilha għalihom sa minn Jannar. Din id-darba l-Ministru spjega li matul dik il-ġimgħa tal-awards, fil-‘film week, intefqu total ta’ €1.3 miljun. Meta mistoqsi, kemm minn din in-nefqa marret għas-serata tal-awards, Bartolo saħaq li dan se jkun ippublikat “fil-jiem li ġejjin.”