In-normalità li tant ilna nistennew, tista’ tgħid li kważi waslet, iżda se tkun “normalità b’responsabbiltà”. Dan meta, mit-tieni jum tax-xahar ta’ Mejju, il-miżuri kważi kollha tal-COVID-19 se jitneħħew.
Id-dettalji kollha ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, u mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Filwaqt li mit-Tnejn li ġej mhux se jkun mandatorju li fl-iskejjel tintlibes il-maskra, mit-Tnejn ta’ wara, jiġifiri fit-2 ta’ Mejju, se jkunu rilaxxati aktar miżuri.
- Mill-bidu tax-xahar id-dieħel, se jkun neċessarju li jibqgħu f’iżolament, biss, il-persuni li jirriżultaw pożittivi għall-virus. Il-kwarantina mandatorja tkun għal 7 t’ijiem, u tintemm b’rapid test negattiv, inkella tintemm wara 10 t’ijiem. Dan japplika għal min hu vaċċinat u anke għal min mhux.
- Min ikun f’kuntatt ma’ persuna pożittiv għall-virus, u anke min jgħix fl-istess ‘household’, mhux se jkun obbligat jagħmel kwarantina. Din b’eċċezzjoni għal sptarijiet u djar tal-anzjani.
- Il-maskri mhux se jkunu iktar obligatorji. Dan b’eċċezzjoni biss għall-isptarijiet u kliniċi, djar tal-anzjani u fuq l-ajruplani.
- Fejn jidħol ivvjġġar ser tibqa’ is-sistema tar-red u dark red zones, fejn tista’ tivjaġġa minn dawn il-pajjiżi imma biċ-ċertifikati jew b’test negattiv. Dan filwaqt li l-‘Passenger Locator Form’ mhux se tibqa’ neċessarja.
- Tħabbar ukoll li ċ-ċentri tal-iswabbing tal-Gvern ser jibqgħu miftuħin, dan apparti ċ-ċentru f’Ħal Farruġ li se jkun qed jieqaf jopera.
- Dan filwaqt li l-Helplines 111 u 145, se jkunu disponibbli bejn il-Ġimgħa u s-Sibt mis-7am to 6pm u mis-7am sal-4pm fil-ħdud u l-festi.
Il-miżuri l-oħrajn kollha, apparti għal xi eċċezzjonijiet żgħar, ser jitneħħew kollha u għalhekk kwalunkwe attività jew avveniment, fost l-oħrajn, issa jistgħu jerġġgħu isiru b’mod normali.
Dak li tħabbar matul il-konferenza tal-aħbarijiet, li wara ħafna xhur saret bil-ġurnalisti preżenti fil-Ministeru tas-Saħħa, ifisser li mit-2 ta’ Mejju, il-ħajja tirritorna, relattivament għan-normal, viċin ħafna ta’ kif niftakkru l-ħajja qabel il-pandemija.
Il-Ministru tas-Saħħa u Charmaine Gauci spjegaw li “dan kollu ma jfissirx li l-virus m’għadux hawn. Imma tfisser li trid tikber iżjed ir-responsabbiltà tagħna.”
//= $special ?>