Raġel Ġermaniż, sigħat ilu, kien iddikjarat uffiċjalment bħala suspettat fl-għajbien tat-tifla Britannika Madeleine McCann li ma dehret qatt aktar wara li sparixxiet minn resort fil-Portugal, fl-2007.
Il-prosekuturi Portugiżi konfermaw l-istatus ġdid għal Christian Brueckner waqt l-investigazzjoni dwar it-tifla li, tul is-snin, ma wasslet għall-ebda żblokk konkret. Madankollu, l-awtoritajiet fil-Portugall ma żvelawx formalment l-isem tas-suspettat.
Fl-2020, il-pulizija fil-Ġermanja ħabbru li kienu qed jinvestigaw lil Brueckner b’konnessjoni mal-għajbien ta’ Madeleine. Dan meta baqgħu ma tressqux akkużi formali fil-konfront tar-raġel li qed jiċħad għal kull involviment fil-każ tat-tifla li sparixxiet mill-kumpless turistiku ta’ Praia de Luz, fir-resort tal-Algarve, wara li l-ġenituri kienu ħallewha waħdeha fil-kamra.
Il-misteru dwar l-għajbien ta’ Madeleine McCann qatt ma kien solvut u l-investigaturi jemmnu li hi nħatfet minn persuna jew persuni li daħlu għaliha fil-kamra. U kien biss issa li l-awtoritajiet Ġermaniżi, fuq talba tal-prosekuturi fil-Portugall, infurmaw lil Christian Brueckner li qed ikun investigat bħala suspettat uffiċjali jew persuna ta’ interess f’dan il-każ.
Fit-3 ta’ Mejju li ġej, il-misteru ta’ Madeleine McCann jagħlaq 15-il sena. U skont il-liġi tal-Portugall ma kienx ikun aktar possibbli li l-awtoritajiet jiddikjaraw lil xi ħadd bħala persuna li qed jinteressa lill-pulizija wara dik id-data.Id-dikjarazzjoni inkwistjoni tinvolvi pass neċessarju qabel jistgħu jitressqu xi akkużi kriminali fil-każ partikulari.
Madankollu, l-Uffiċċju għall-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi fil-Portugall qal li d-dikjarazzjoni ta’ Brueckner bħala suspettat uffiċjali ma kenitx xprunata mill-kunċett taż-żmien iżda minn indikazzjonijiet qawwija dwar it-twettiq ta’ reat.
Min-naħa tagħha, il-Pulizija Metropolitana fir-Renju Unit għadha qed titratta l-għajbien ta’ Madeleine McCann bħala inkjesta għal persuna nieqsa.
Christian Breuckner, fil-preżent, qed jiskonta sentenza ta’ ħabs fil-Ġermanja għal reati relatati mad-droga. Hu anki kien ikkundannat għal seba’ snin ta’ priġunerija talli kien stupra mara anzjana.
//= $special ?>

