Lokali Saħħa

AĠĠORNATA: Imut il-Professur John Rizzo Naudi

John Rizzo Naudi – il-politiku li ħadem bla nifs biex setgħu jinħolqu servizzi tas-Saħħa u l-Kura tal-Anzjani li qatt ma konna smajna bihom u għadhom jitgawdew sal-lum – miet matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, fl-età ta’ 96 sena .

Aħbar li ġabet dieqa kbira fost il-qraba tiegħu u dawk kollha li kellhom ix-xorti jaħdmu miegħu … Professur maħbub u wieħed mill-pilastri tal-Gvernijiet immexxija minn Eddie Fenech Adami fl-aħħar tas-snin tmenin u fl-ewwel nofs tas-snin disgħin.

Il-Professur Rizzo Naudi kien l-ewwel Segretarju Parlamentari ddedikat speċifikament għall-Anzjani u taħt it-tmexxija tiegħu kien sar xogħol kbir biex tissaħħaħ il-ħidma f’dan is-settur tant importanti.

Ħidma li, kif iddeskriviha l-eks Segretarju Parlamentari Antoine Mifsud Bonnici, issarfet biex illum l-anzjani għadhom qed igawdu minn servizzi essenzjali … b’wiehed mill-aktar li għadu jitfakkar ikun it-Telecare.

Antoine Mifsud Bonnici spjega kif kienet l-insistenza ta’ John Rizzo Naudi li sa mill-ewwel snin tal-Gvern immexxi minn Eddie Fenech Adami setgħu jinbnew Residenzi ġodda għall-Anzjani f’diversi lokalitajiet, iżda wkoll li r-Residenza San Vinċenz de Paule bdiet tagħti servizz b’dnjità minflok l-Ingieret, li kienet qisha xi kastig għall-anzjani.

Anke l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi – li fiż-żmien li Rizzo Naudi kien fil-Kabinett, serva bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti – innota kif pajjiżna u l-Partit Nazzjonalista tilfu personalità li tul il-karriera politika tagħha kkontribwiet b’mod fenomenali u ta’ kwalità straordinarja, iddedikat għas-setturi li serva fihom, iżda li hu importanti li jibqa’ mfakkar f’dak kollu li wettaq.

Dwar il-ħidma tal-Professur Rizzo Naudi fis-settur tas-Saħħa, it-Tabib Antoine Mifsud Bonnici fakkar kif hu ta kontribut ukoll fir-Riforma li kienet meħtieġa fin-Nursing, bil-ħolqien tal-Istitut għall-Kura tas-Saħħa biex dan il-qasam seta’ jmur ‘il quddiem.

Lawrence Gonzi innota kif John Rizzo Naudi ħalla warajh wirt li l-Gvernijiet ta’ wara komplew jibnu fuqu biex issir id-differenza għall-aħjar f’ħajjet in-nies.

Fost persuni oħrajn li sellmu l-memorja ta’ John Rizzo Naudi kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li, fuq il-media soċjali, fakkar fil-ħidma tiegħu f’dawn is-setturi, iżda wkoll fir-rispett li kellu mingħand kulħadd.

Imwieled fl-Imsida f’Jum il-Milied tal-1925, John Rizzo Naudi kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-elezzjoni ġenerali tal-1976 u wara, fl-elezzjoni tal-1981.

Aktar tard, kien parti mill-ewwel żewġ Gvernijiet tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami wara l-elezzjonijiet tal-1987 u tal-1992, sal-1995 qabel ma serva wkoll bħala Kanċillier tal-Università ta’ Malta.

Hu kien miżżewweġ lil Lisette u kellhom tlett itfal: John, Joseph u Maria.

Il-Professur John Rizzo Naudi se jingħata l-Aħħar Tislima t-Tnejn li ġej, fis-2pm, fil-Knisja Arċipretali tal-Imsida.

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja tal-Professur John Rizzo Naudi, li fi stqarrija kien spjegat kif jibqa’ mfakkar għall-ħidma tiegħu bmod partikolari għas-setturi tas-saħħa u l-anzjani. Huwa kien politiku maħbub minn kulħadd u li għin biex is-setturi li ħadem fihom imxew ‘il quddiem b’riżultat li għadna ngawdu mid-deċiżjonijiet tiegħu sal-ġurnata tal-lum.

Il-Professur Rizzo Naudi ta wkoll sehem importanti fis-settur tal-edukazzjoni fejn kien serva anke bħala Kanċillier fl-Universitá ta’ Malta. Il-Partit Nazzjonalista wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tal-Professur Rizzo Naudi.

Net News iwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja Rizzo Naudi.