Edukazzjoni Lokali

Bżonn ta’ aktar appoġġ u opportunitajiet il-kittieba lokali u d-djar tal-pubblikazzjoni – PN

Fil-jum iddedikat għall-Ktieb u d-Drittijiet tal-Awtur, il-Partit Nazzjonalista jafferma l-importanza tal-pubblikazzjoni imma fl-istess waqt jenfasizza li jrid isir ħafna aktar sabiex il-ktieb ikompli jingħata l-attenzjoni fl-iskejjel tagħna.

Dan saħqu l-Kelliem għall-Edukazzjoni Justin Schembri fejn sotna li għall-Partit Nazzjonalista, il-ktieb għandu jkun fiċ-ċentru tat-tagħlim għaliex huwa s-sors tal-kreattività, tal-għarfien u tal-esperjenza umana. Għalhekk, il-ktieb għandu jingħata aktar spazju fid-dinja edukattiva tal-lum.

Schembri saħaq li huwa meħtieġ li l-iskejjel kollha tagħna jkunu mgħammra b’libreriji adegwati għaż-żminijiet tal-lum u li fihom isir investiment kontinwu sabiex il-ktieb ikompli jkun parti mill-esperjenza tal-individwu.

Fl-istess waqt, għandhom jingħataw aktar appoġġ u opportunitajiet il-kittieba lokali u d-djar tal-pubblikazzjoni biex ikomplu joperaw f’Malta imma wkoll biex ikollhom iċ-ċans jidħlu aktar fis-suq Ewropew.