Ahmed el Fadalli Enan ġie kkundannat mill-Qorti Maltija 25 sena priġunerija wara li l-Ġimgħa tard filgħaxija l-ġurati ħarġu bil-verdett tagħhom war ali għamlu mas-6 sigħat jiddeliberaw.
Dan wara li l-Eġizzjan ta’ 52 sena nstab ħati ta’ kompliċità wara li pprova jdaħħal f’pajjiżna mal-50 kilogramma reżina tal-kannabis – mit-Tuneżija.
Huwa nstab ħati b’7 voti kontra 2 – filwaqt li l-Qorti mmultatu wkoll €40,000 multa – liema multa jekk ma jħallashiex tissarraf fl-estensjoni tas-sentenza ta’ priġunerija.
Il-każ imur lura għal 2010 fejn kien tressaq għall-ewwel darba l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ fil-15 ta’ Jannar tal-istess sena.
Ta’ min wieħed isemmi li l-Enan kien għall-ewwel akkużat b’assoċjazzjoni ta’ traffikar ta’ 100 kilogramma kannabis lejn Malta, madanakollu l-awtoritajiet Tuneżini kienu qabdu fuq min kien bagħat għad-droga, 50 kilogramma biss.
Dan hekk kif dwar dan il-każ il-Malti Tano Farrugia, mibgħut minn Enan sabiex jiġbor 100 kilogramma droga, kien inqabad fit-Tuneżija u kien weħel 20 sena ħabs.
Madanakollu huwa kien inħeles 3 snin biss wara minħabba amnestija mill-Gvern temporanju Tuneżin ta’ dak iż-żmien.

