Il-Kumitat Olimpiku Malti kkonferma l-ewwel membri tiegħu tal-kontinġent għal-Logħob tal-Commowealth li se jsir f’Birmingham bejn it-28 ta’ Lulju u t-8 ta’ Awwissu. L-ewwel atleti li tħabbru huma l-weightlifters Yazmin Zammit Stevens, Tenishia Thornton, Roberta Tabone u Elisa Scicluna.
Għal Zammit Stevens din se tkun it-tieni parteċipazzjoni tagħha fil-Logħob tal-Commonwealth, filwaqt li għat-tliet weighlifters l-oħra dan se jkun id-debutt tagħhom f’dawn il-Logħob.
Zammit Stevens u Thornton se jkunu qed jikkompetu fil-kategoriji tal-64 kg u d-59 kg rispettivament, filwaqt li Tabone u Scicluna se jikkompetu fil-kategoriji tal-71kg u 87kg.
“Din hija l-ewwel darba li Malta se jkollha diversi weightlifters fil-kontinġent tagħhom. Huwa wkoll inkoraġġanti ħafna li tara li dawn l-atleti kkwalifikaw fuq il-mertu tagħhom stess, li juri li l-investiment f’dan l-isport qed jipproduċi riżultati. Ninsabu fiduċjużi li dawn l-atleti jistgħu jagħtu riżultati tajbin f’Birmingham” irrimarkat Charlene Attard, Direttur tal-Isport u Chef de Mission għal-Logħob.
//= $special ?>