Lokali

Il-Kummissarju tat-Taxxi Interni jibqa’ ma jridx jagħti informazzjoni dwar il-villa ta’ Abela fiż-Żejtun

Il-Kummissarju tat-Taxxi Interni Joseph Caruana ma aċċettax talba għal informazzjoni li saritlu dwar il-proċess ta’ valur tal-villa fiż-Żejtun li l-Prim Ministru Robert Abela xtara bil-prezz iddikjarat ta’ 600,000 ewro. Għat-talba, li saritlu minn TheShiftNews, Caruana nħeba wara regoli dwar is-segretezza.

Madankollu, il-Liġi dwar it-Taxxi Interni jagħtu l-poter lill-Kummissarju li jista’ jagħti l-informazzjoni jekk iħoss il-ħtieġa … xi ħaġa li ma għamilx. Dan minkejja li t-tmexxija ta-sit elettroniku argumentat li t-talba hi dwar informazzjoni fl-interess pubbliku, ladarba hi dwar Prim Ministru ta’ pajjiż demokratiku u ta’ Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, b’suspett ta’ evażjoni ta’ taxxa.

It-tmexxija tas-sit elettroniku argumentat ukoll li l-Kummissarju tat-Taxxi Interni għandu l-obbligu jibgħat lill-periti biex iħejju Rapport ta’ Valutazzjoni li jkun jista’ jiddetermina l-valur veru tal-propjetà. Dan hekk kif, minflok, id-Dipartiment għażel li joqgħod biss fuq id-dikjarazzjoni li ppreżenta Abela, minkejja li esperti fil-propjetajiet qed jgħidu li l-valur ta’ 600,000 ewro żgur mhux korrett.

Fil-ġimgħat li għaddew, kien Abela stess li ammetta li ħadd mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma ra li jsir assessjar tajjeb tal-propjetà li qatt ma għex fiha, iżda li kriha lil żewġ Russi li applikaw biex jixtru l-Passaport. Madankollu, lanqas dawn ma qatt għexu fiha, għalkemm użaw l-indirizz tagħha biex ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtieġa ta’ residenza, skont kif titlob l-Iskema.