Lokali

Jingħata l-aħħar tislima l-attur Frank Tanti

“Frank Tanti kien rigal mogħti minn Alla li dawk il-persuni kollha li kellhom ix-xorti jiltaqgħu miegħu tul ħajtu.”

Kien dan il-messaġġ li twassal minn Fr. Karm Farrugia waqt l-omelija li saret għall-funeral tal-attur Frank Tanti fil-Knisja ta’ Ħal Lija.

Hu kien deskritt bħala persuna li dejjem ħares lejn ix-xogħol f’serjetà liema bħalha tant li pprova jwettqu mill-aħjar li jista’.

Fr. Karm qal li Frank ħalla din id-dinja aħjar milli sabha hekk kif ferraħ tant persuni fuq it-televiżjoni Malti u anke f’films internazzjonali.

Preżenti kien hemm numru ta’ atturi li marru biex jagħtu l-aħħar tislima lil Frank, veteran tat-teatru u t-televiżjoni b’involviment f’diversi produzzjonijiet, li miet it-Tlieta li għadda fl-età ta’ 72 sena.

Frank ħa sehem fil-parti tat-taxi driver fis-sensiela Nostalġija. U ħadem il-karattru ta’ Lino fil-film Malti Luzzu.

Ħadem anke minn wara ‘l kwinti, u kien gwida għal diversi żgħażagħ li kibru fit-teatru tul is-snin.

Frank ħadem ukoll f’films internazzjonali maħduma f’Malta, fosthom Agora, The Devil’s Double, u When Pigs Have Wings, kif ukoll fis-serje Queen of the South u Cargo.