Futbol Sport

Man City iġibu fix-xejn lil Watford u jiftħu vantaġġ ta’ erba’ punti fuq Liverpool

(Ritratt: EPA)

Manchester City, iċ-Champions tal-Ingilterra, ma tilfux iċ-ċans li jkabbru l-vantaġġ f’ras il-klassifika tal-Premier League b’rebħa faċli, 5-1, fuq Watford u għal riżultat li kważi jikkundanna lill-Hornets għal diviżjoni inferjuri fl-istaġun li ġej.

Madankollu – u minkejja li s-Citizens issiġillaw tliet punti oħra mingħajr wisq affann – Liverpool għandhom l-opportunità li jnaqqsu l-vantaġġ tal-liders għal punt wieħed biss, meta llum jilgħabu (f’Anfield) kontra Everton fid-derby ta’ Merseyside. L-attakkant Brażiljan, Gabriel Jesus, kien l-eroj fit-trijonf ta’ City b’erba’ gowls u assist għall-gowl l-ieħor u r-riżultat qatt ma kien f’dubju mindu Jesus sab ix-xibka ta’ Ben Foster wara biss erba’ minuti.

It-tieni gowl tal-Brażiljan ( 23) wasal mill-assist perfett ta’ Kevin de Bruyne u fejn Jesus ma żbaljax bir-ras quddiem Foster – b’Watford, imbagħad, inaqqsu d-distakk minn Hassane Kamara (28) li sab ir-rokna tax-xibka b’xutt b’saħħtu. Ħames minuti wara, City għamluhom tlieta minn Rodri wara xogħol tajjeb minn Gabriel Jesus – bl-attakkant Brażiljan ikompli fejn ħalla fit-tieni taqsima b’żewġ gowls oħra (49 – minn penalty u 53) biex b’hekk għaqqad il-poker personali. Il-ġurnata kienet ukoll memorabbli għal dan il-plejer peress li dan kien l-ewwel hat-trick tiegħu fil-Premier Ingliż mindu ngħaqad mas-Citizens fl-2016.

Arsenal għamlu pass importanti ‘il quddiem fil-ġlieda għal post fit-‘Top Four’, b’reħba diffiċli – u xi ftit iffortunata – fuq Manchester United. Ir-Red Devils, li ftit tal-jiem ilu sofrew telfa umiljanti għand Liverpool, niżlu għal din il-logħba determinati li ma joħorġux b’idejhom vojta, iżda huma sabu ruħhom minn taħt wara biss tliet minuti. Dan meta Nuno Tavares approfitta mill-iżbalji rispettivi ta’ Varane u Telles biex jixħet ġewwa mill-viċin – u wara li de Gea kien salva x-xutt angolat ta’ Saka.

United, minn dak il-ħin, bdew jieħdu aktar kontroll tal-logħba, iżda man-nofs-siegħa, Eddie Nketiah kellu ‘gowl’ annullat mill-VAR għal offside — bir-referi Craig Pawson,sekondi wara, jordna penalty għal Arsenal (fuq konsultazzjoni mal-VAR) għall-fawl ta’ Telles fuq Saka fl-istess azzjoni. U wara li Saka żied il-vantaġġ ta’ Arsenal mill-ħdax-il metru kien imiss lil Cristiano Ronaldo (34) li jnaqqas id-distakk minn quddiem Ramsdale, b’dan ikun il-100 gowl tal-Portugiż fil-Premier League.

Fit-tieni taqsima, United fetħu assedju fuq il-lasta ta’ Arsenal u wara li Dalot laqat sieq il-lasta, Tavares wettaq hands fil-kaxxa għal penalty ċar. Madankollu, il-captain ta’ United, Bruno Fernandes, falla ċans tad-deheb li jagħmel l-iskor 2-2, bix-xutt mill-ħdax-il metru jaħbat mal-lasta u jgħaddi barra. Imbagħad, fis-70 minuta, wasal il-mument deċiżiv tal-logħba – u għal Arsenal –meta l-midfielder Żvizzeru tal-Gunners, Granit Xhaka, ittanta xortih minn barra l-kaxxa, bil-ballun jispiċċa fir-rokna tax-xibka ta’ de Gea għat-3-1 finali.

Newcastle United ħelsu minn kull inkwiet wara rebħa, 3-0, għand Norwich City u meta l-Canaries qegħdin jidhru prattikament relegati f’dan l-istadju tal-istaġun. Ir-rebħa tellgħet lill-Magpies fid-disa’ post tal-klassifika, bl-ewwel gowl tagħhom jasal minn Joelinton (35) li xeħet ġewwa fuq is-suġġeriment ta’ Allan Saint-Maximin. L-istess plejer għamilhom tnejn, tliet minuti qabel il-mistrieħ, meta reġa’ sab ix-xibka minn angolu diffiċli fuq il-pass ta’ Jacob Murphy. Norwich ma kellhomx risposta u fil-bidu tat-tieni taqsima, Bruno Guimaraes ipprova ‘chip’ li għeleb lill-gowlkiper Tim Krul għat-tielet darba – u wara li l-Brażiljan approfitta minn żball tal-istess Krul.

Leicester City u Aston Villa ħadu punt kull wieħed minn logħba mingħajr storja li ntemmet 0-0 fil-King Power Stadium. L-aktar tim sodisfatt x’aktarx li kienu Villa, li, b’dan ir-riżultat, temmew sekwenza negattiva ta’ erba’ telfiet konsekuttivi– u bit-tim ta’ Steven Gerrard ikollu l-aħjar mumenti tat-tieni taqsima.

Illum: Arsenal v Man Utd 3-1, Leicester v Aston Villa 0-0, Man City v Watford 5-1, Norwich v Newcastle 0-3, Brentford v Tottenham 0-0