Għadd ta’ Knejjes Parrokkjali ngħaqdu f’inizjattiva biex jiġbru donazzjonijiet ta’ ikel, ħwejjeġ u oġġetti tal-iġjene għall-vittmi tal-gwerra fl-Ukrajna.
F’ħidma kkordinata bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Koperattiva LOOP, is-Sibt, il-Knejjes Parrokjali tal-Imqabba, in-Naxxar, Pembroke, il-Qawra u Marsaskala baqgħu miftuħin waranofsinhar biex jistennew lin-nies jieħdu kaxxi mimlijin b’donazzjonijiet ta’ affarijiet bażiċi essenzjali.
Fil-ġabra kienu aċċettati ħalib long-life, juices, cereal bars, ikel li jsir malajr bħal noodles, ħrieqi tat-tfal u tal-adulti, kif ukoll diżinfettanti, prodotti għall-iġene personali għall-irġiel u għan-nisa, kutri, lampi rechargeable u power banks għall-mobile phones, fost oħrajn.
L-Arċidjoċesi spjegat li l-affarijiet se jintbagħtu lejn l-Ukrajna f’kontejner u hemm se jitqassmu minn Caritas Ukraine, li fis-sitwazzjoni preżenti qed tgħin aktar mill-qrib lil tfal, nisa u anzjani li qed jaħarbu mill-gwerra.
Il-Koperattiva LOOP hi koperattiva soċjali tal-Parroċċi Maltin, iffurmata minn diversi entitajiet tal-Knisja f’Malta, li jaħdmu mill-qrib mal-batut u ma’ dawk fil-bżonn.
Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>