Lokali

Ta’ Repubblika jtennu l-ħtieġa li tittieħed azzjoni

L-għaqda Repubblika se tkompli tinsisti li f’pajjiżna tieqaf darba għal dejjem l-impunità għax hekk hemm bżonn. U la l-għaqda ma tistax tressaq lil dawk involuti f’diversi każi kriminali u ta’ korruzzjoni, simbolikament waħħlet ritratti ta’ dawn il-persuni mal-grada ewlenija tal-Qorti.

Hekk spjega l-President tal-għaqda Robert Aquilina f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn tenna l-messaġġ lil politiċi tal-Gvern u Uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija li l-membri ta’ Repubblika se jibqgħu jsusu wara l-istituzzjonijiet biex dawn jagħmlu dmirhom.

Dan hekk kif staqsa kif jista’ jkun li, ladarba l-Pulizija temmen li Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba l-korruzzjoni, għaliex s’issa għadu ma tressaq ħadd dwar dawn l-akkużi ta’ korruzzjoni? Hu kompla li minkejja li l-Inkjesti Maġisterjali talbu li jittieħdu l-azzjonijiet, għadna qed nisimgħu l-iskużi u b’hekk, qed jappellaw biex tittieħed azzjoni serja fil-Qorti.

Robert Aquilina qal li l-persuni li qed jitolbu li tittieħed azzjoni dwarhom huma l-istess li, minflok ma kienu ħadu azzjoni huma stess meta kellhom il-poter f’idejhom, għażlu li jmorru jieklu xi fenek jew jixxalaw, f’xeni li wieħed jara biss fil-films tal-mafja.

Għaldaqstant, hu qal li jeħtieġ li l-ġustizzja ssir, kif jixtieq min verament għandu s-sewwa għal qalbu, ladarba ma jistax ikun li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għadhom ma ħolqux każ wieħed u qed jibqa’ ma jitressaq ħadd.