Internazzjonali

Franza: Il-President Macron jikseb rebħa konvinċenti fuq Marine Le Pen fir-rawnd deċiżiv tal-elezzjoni

Il-President Emmanuel Macron għeleb lill-kandidat radikali tal-lemin, Marine Le Pen, fit-tieni rawnd deċiżiv tal-elezzjoni għall-Presidenza ta’ Franza.

L-ewwel indikazzjonijiet mill-elezzjoni urew li Macron kiseb 58 fil-mija tal-vot kontra t-42 fil-mija għal Le Pen.

Għaldaqstant, Macron, li għandu 44 sena, sar l-ewwel President Franċiż li kien elett għat-tieni darba konsekuttiva f’dawn l-aħħar 20 sena.

Intant, il-partit ta’ Marine Le Pen għamel kisbiet bla preċedent f’din l-elezzjoni, għalkemm id-diżappunt għal Le Pen hu kbir, peress li hi ma ħarġet rebbieħa qatt fit-tliet darbiet li kuntestat għall-Presidenza ta’ pajjiżha.  

Filwaqt li r-rebħa għal Macron hi drammatika daqskemm hi storika, dan kien ukoll l-aħjar ċans għal Le Pen biex tieħu r-riedni ta’ Franza – iżda l-poplu ddeċieda mod ieħor.

Ir-rebħa għal Macron hi wkoll straordinarja peress li hu naqas milli jimpenja ruħu għall-elezzjoni sa tmient ijiem qabel il-Franċiżi vvutaw fl-ewwel rawnd tal-proċess, ħmistax ilu.