Futbol Sport

Hibernians ikabbru l-vantaġġ fil-quċċata b’rebħa meritata fuq Gudja

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rowen Camilleri

GUDJA U………….0

HIBERNIANS……2

Gudja U: G. Zammit, T. Nagamatsu, M. Muchardi, R. Soares, L. Cremona (G. Nikabadze 81’), J. Arthur, H. Vella (A. Friggieri 70’), N. Tabone (N. Dzalamidze 70’), N. Micallef, J. Bolanos, J. Grioli (K. Gatt 29’)

Hibernians: I. Kone, F. Apap, L. Almeida, J. Grech (E. Beu 89’), J. Degabriele (A. Muniz 82’), D. Vella, T. Aldama (Z. Grech 82’), A. Agius, G. Artilles, A. Diakite, H. Da Costa (W. Domoraud 61’)

Imwissija: T. Aldama 5’ (H), N. Tabone 31’, H. Vella 33’, G. Zammit 55’, J. Arthur 77’ (G)

Skorjaw: F. Apap 59’, D. Vella 85’ (H)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Mitchell Scerri u Shaun Calleja

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Thaylor Aldama (Hibernians)

BOV Plejer tal-logħba: Ferdiandno Apap (Hibernians)

Hibeernians approfittaw miż-żelqa tal-isfidanti tagħhom Floriana, u f’partita li kkontrollaw tajjeb sa mill-bidu nett għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 2-0. Gudja minn naħa tagħhom provaw iżommu l-attakki kontinwi ta’ Hibernians iżda l-Pawlisti rnexxielhom jiskorjaw darbtejn fit-tieni taqsima biex assiguraw minn tliet punti importanti fi triqthom għar-rebħ tal-Kampjonat Malti. Qabel il-partita ġew preżentati l-unuri tal-Plejer u l-Kowċ tax-xahar ta’ Marzu li ntrebħu minn Jurgen Degbriele u Stefano Sanderra rispettivament, it-tnejn ta’ Hibernians.

Hibernians mill-ewwel minuti dehru li se jieħdu l-kontroll tal-partita u fit-13-il minuta Dunstan Vella qabad ballun minn tliet kwarti tal-ground u warra li avvanza prova xutt li għadda ftit barra. Żewġ minuti wara mix-xellug Muchardi għal Gudja qassam fin-nofs lejn Cremona li kkontrolla tajjeb iżda l-konklużżjoni tiegħu marret barra. Fit-22 minuta Degabriele minn free kick dendel ballun fil-kaxxa li sab lil Da Costa, bid-daqqa ta’ ras tal-Portugiż tgħaddi għoli. Għaxar minuti wara Hibernians laqtu l-lasta meta Gabriel Artilles inkariga ruħu minn free kick mil-lemin li prova direttament fil-lasta iżda bil-goalkeeper li deher mgħelub, il-ballun ħabat mal-wieqfa. Fit-42 minuta ċans tajjeb ieħor għat-tim immexxi minn Sanderra meta Apap fil-kaxxa niżżel bir-ras lejn Aldama iżda minn qagħda favorevoli l-Ispanjol tefa’ barra. Fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud Hibernians reġgħu marru viċin fejn l-ewwel kien Dunstan Vella li xxutja bil-ballun ikun mtajjar parzjalment u ġie għand Jake Grech li kkonkluda mill-ewwel iżda l-ballun għadda mħakkek mal-wieqfa. Minuta wara minn kontrattakk ta’ Gudja kien Matias Muchardi li qassam lejn Llywelyn Cremona li minn pożizzjoni angulata xxutja ftit għoli. L-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima waslet fir-raba’ u l-aħħar minuta tal-ħin miżjud meta minn kross ta’ Aldama kien Da Costa li għola fuq kulħadd u d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet salvata b’diffikultà minn Zammit. L-ewwel taqsima għalhekk intemmet fi draw ta’ mingħajr gowls.

Hibernians ħarġu agressivi fit-tieni taqsima u wara biss tliet minuti impenjaw lil goalkeeper Glenn Zammit. Kienet azzjoni mibdija minn Jake Grech li qassam lil Thaylor Aldama mal-linja, b’dan tal-aħħar jikkrosja fil-baxx lejn Dunstan Vella fil-kaxxa u wara li dar mad-difensur in-numru tnax ta’ Hibernians ra x-xutt tiegħu ikun salvat bis-sieq minn Glenn Zammit qabel mad-difiża tajjret il-periklu. Fid-59 minuta Hibernians imorru meritatament fil-vantaġġ meta Thaylor Aldama tefa’ ballun fil-kaxxa li sab lid-difensur FERDINANDO APAP li kkonkluda bir-ras u għalkemm deher li Glenn Zammit salva l-ballun, sfortunatament għalih il-ballun ħarab minn idejh u baqa’ sejjer fix-xibka. Fis-67 minuta Hibernians kienu sfortunati ferm li ma’ rduppjawx meta Dunstan Vella prova xutt sabiħ minn barra l-kaxxa li ħabat mal-wieqfa, bil-ballun jiġi għand Thaylor Aldama li ra x-xutt b’saħħtu jkun milqugħ tajjeb minn Zammit u f’tentattiv ieħor Jurgen Degabriele xxuttja u l-ballun kien maqlugħ minn fuq il-linja minn Neil Micallef. Kwarta mit-tmiem Apap għadda lejn is-sostitut Domoraud li minn quddiem Zammit tefa’ barra. Fil-85 minuta il-Pawlisti għalqu ssiġillaw ir-rebħa. Kienet azzjoni maħduma bejn Jake Grech u DUNSTAN VELLA li wara li biddlu l-ballun diversi drabi kien Vella li minn quddiem Zammit tefa’ fix-xibka għal skor finali ta’ 2-0.

Thaylor Aldama ta’ Hibernians issikkat minn difensur ta’ Gudja United (Ritratt: Catriel Farrugia)