Il-Patrijarka Kirill, li jmexxi lill-Knisja Ortodossa Russa, qal li jittama li l-konflitt fl-Ukrajna jintemm mill-aktar fis.
Din kienet l-ewwel darba li Kirill esprima l-fehma tiegħu dwar il-gwerra fl-Ukrajna li ilha għaddejja mill-24 ta’ Frar iżda dan l-alleat kbir tal-President Russu Vladimir Putin fl-ebda ħin ma ħareġ jikkundanna d-dmija li qed tirriżulta mill-offensivi u l-bumbardamenti tat-truppi tal-Kremlin fl-artijiet Ukreni.
Intant, il-Patrijarka Kirill , waqt diskors (f’Moska) għall-okkażjoni tal-Festa tal-Għid iċċelebrata mill-Ortodossi, awgura li ‘jirrikonċiljaw il-popli kollha fl-Ukrajna u fir-reġjun tad-Donbas fejn qed jinxtered id-demm’.
Fl-istess ħin – u minbarra n-nuqqas ta’ kundanna għall-fatt li, kuljum, qed jinqatlu dejjem aktar familji Ukreni innoċenti – l-istqarrijiet ta’ Kirill qed jitqiesu bħala pjuttost simili għall-kummenti tal-President Putin, fis-sens li ‘ir-Russi u l-Ukreni huma essenzjalment l-istess poplu u l-istess pajjiż’.
Il-Patrijarka Kirill qal biss li l-entitajiet involuti fil-konflitt tal-Ukrajna għandhom ‘jikkalmaw u jevalwaw is-sitwazzjoni fost l-impenji li r-reġjun jirritorna għall-paċi’.
Fl-aħħar ġimgħat, numru ta’ osservaturi barranin u sorsi oħra kritikaw lil Kirill talli ‘ma setax jagħmel aktar ċara l-pożizzjoni tiegħu favur Putin’ .
Hu anki minnu li kaġunaw għadab kbir il-kummenti ta’ Kirill , ġimgħat ilu, meta ħareġ jappoġġja lill-offensiva tar-Russi fl-Ukrajna….Pożizzjoni li anki qanqlet rabja fost uħud mill-membri tal-Knisja Ortodossa fir-Russja u ‘il hinn minn dan il-pajjiż.
Sadanittant, l-indikazzjonijiet huma li l-Patrijarka Kirill – minkejja l-aħħar stqarrijiet konċiljatorji — għadu jaddotta l-istess pożizzjoni ‘bħal qabel’ dwar il-gwerra fl-Ukrajna minbarra li qed ‘jiġbed l-istess ħabel ta’ Putin’.
Dan ukoll meta hu ma qal xejn dwar l-istqarrija tal-Ministeru Ukren għall-Affarijiet Barranin li – f’ħin meta l-missili tar-Russi kienu neżlin fuq il-belt tal-port ta’ Odessa (fl-Ukrajna) – sostna bla tlaqliq li ‘ir-Russja qed tagħmel l-almu tagħha biex tferrex it-terrur madwar l-Ukrajna’.
//= $special ?>