L-Ukrajna qed tfakkar il-Festa tal-Għid għall-Ortodossi taħt l-agħar ċirkustanzi u meta l-invażjoni tal-pajjiż mill-qawwiet tar-Russja għalqet is-sittin jum tagħha.
Intant, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, waqt diskors bil-video li nġibed f’katidral, qal li pajjiżu se jkompli jisfida lill-Armata tal-Kremlin li qatlet lill-eluf ta’ ċivili fl-aħħar ġimgħat. Hu, fl-istess ħin, irrefera għall-qlubija kbira tal-poplu Ukren li qed ikompli bir-reżistenza filwaqt li enfasizza li l-Ukreni għandhom joħorġu rebbiħin minn dan il-konflitt.
Il-Festa tal-Għid għall-Ortodossi hi avveniment kbir għall-Ukreni kollha.
Intant, Zelensky, waqt id-diskors, ġibed paragun bejn it-tbatija u d-diffikultajiet relatati mal-pandemija tal-Covid u t-tbatija ta’ niesu waqt din il-gwerra.
Hu sostna li jeżisti element komuni bejn il-pandemija u l-pjaga tal-gwerra u li jinvolvi r-rieda tal-Ukreni li jissuperaw kull diffikultà sakemm jaslu għat-trijonf finali.
Kienet anki simbolika l-għażla tal-Katidral iddedikat lil Santa Sofija bħala l-post minfejn sar l-indirizz ta’ Zelensky. Dan għaliex il-katidral inkwistjoni, fi Kiev, kien baqa’ wieqaf anki waqt l-okkupazzjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Nażisti ta’ Adolf Hitler, matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
L-aħħar rapporti, intant, qalu li l-President Zelensky kien qed iħejji biex jilqa’ żewġ uffiċjali ewlenin tal-Istati Uniti li kienu mistennija jaslu fi Kiev, fl-aħħar sigħat. L-Istati Uniti, iżda, ma tatx dettalji dwar ‘iż-żjara misteniija tas-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken u s-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Lloyd Austin.
Sadanittant, u filwaqt li komplew is-sejħiet biex jieqaf il-ġlied fl-Ukrajna, xi uffiċjali qrib ta’ Zelensky ħeġġew biex ir-Russja taqbel dwar ‘paċi temporanja għal żmien il-festa tal-Għid Ortodossa’.
//= $special ?>