Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino beda d-diskors tiegħu billi rringrazza lill-kunsilliera, attivisti, partitarji u votanti tal-Partit Nazzjonalista… lil dawk kollha li emmnu fil-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal pajjizna.
Huwa qal li llum ninsabu hawn sabiex inniedu proċess intern tal-Partit Nazzjonalista… proċess, li mhux biss irid iwassal għal elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, imma proċess li għandu jkun wieħed ta’ riflessjoni fejn fih naraw x’inhi t-triq ‘il quddiem ghal dan il-Partit.
Michael Piccinino qal li lkoll kemm ahna nemnu li pajjiżna jixraqlu aħjar u li għandna obbligu lejn pajjiżna li nagħtu l-kontribut tagħna sabiex pajjiżna jkollu l-aħjar.
Huwa saħaq li għandna obbligu lejn Malta u Għawdex li dan il-Partit, li fil-passat ġab daqsekk bidliet storiċi li sawru lil pajjiżna, jerġa’ jsir dik il-vettura li permess tagħha fil-futur ukoll nagħtu direzzjoni lil pajjiżna.
Is-Segretarju Ġenerali qal li dan huwa żmien fejn kull deċiżjoni li tittieħed trid tkun spirata biss mill-aħjar interess tal-Partit Nazzjonalista. Saħaq li d-diskussjoni li jrid ikun hemm fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin trid tmur lil’hinn minn sempliċiment diskussjoni fuq l-isem tal-persuna li se jmexxi lill-Partit Nazzjonalista għall-ħames snin li gejjin.
“Malta għandha bżonn Partit Nazzjonalista b’saħħtu! Dan huwa żmien ta’ riflessjoni fejn kull min għandu għal qalbu l-Partit Nazzjonalista qed jaħseb x’seta’ sar aħjar u x’għandu jsir biex fil-futur ikun aħjar.”
Huwa enfasizza l-importanza li jkun hemm djalogu miftuħ u onest bejn il-kunsilliera u l-membri kollha ta’ dan il-Partit dwar x’għandu jsir… diskussjoni sinċiera dwar il-futur tal-Partit, dwar il-futur tal-istrutturi tal-Partit, kif dawn jistgħu jsiru iktar effiċjenti u li verament ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom lejn il-Partit u lejn pajjizna.
“Dan huwa mument li nistgħu nużawh biex nibnu mill-ġdid il-pedamenti u naraw kif nibnu mill-ġdid u nimxu l’ quddiem flimkien jew nistgħu nużawh biex niġġieldu bejnietna fuq is-siggijiet u t-titli. L-istorja għad tiġġudikana dwar dak li nagħmlu jew ma nagħmlux f’dan iż-żmien partikolari. M’hemm l-ebda dubju li l-istorja mhux ha tkun ħanina magħna jekk ma nużawx dan iż-żmien prezzjuż li għandna b’mod għaqli. L-għażla f’idejna.”
//= $special ?>