Internazzjonali

L-elezzjoni fi Franza: Ftit huma dawk li jaħsbu li s-sitwazzjoni se tinbidel ħafna…irrispettivament mir-riżultat

Il-poplu fi Franza qed jivvota fit-tieni rawnd tal-elezzjoni għall-Presidenza u meta fi ftit tal-ħin ieħor, il-Franċiżi  u l-Ewropa għandhom ikunu jafu min – bejn il-President Emmanuel Macron u l-isfidanta Marine Le Pen – għandu jmexxi lill-pajjiż ghall-hames snin li gejjin.

Filwaqt li Macron kien kiseb vantaġġ minimu fuq Le Pen waqt l-ewwel rawnd tal-elezzjoni, jidher li numru kbir ta’ Franċiżi astjenew mit-tieni votazzjoni.

L-elezzjoni fi Franza kapaċi tħalli wkoll riperkussjonijiet kbar għall-kumplament tal-Ewropa u fi żmien partikularment delikat għall-kontinent kollu. Dan meta l-ewwel riżultati jew exit polls mistennija jitħabbru tard bil-lejl, b’kollox qed jindika taqtigħa missielta sal-aħħar bejn żewġ kandidati li, fl-aħħar jiem, ippreżentaw proposti politiċi diversi ħafna minn ta xulxin.

Kemm Macron u b’mod partikulari Le Pen wiegħdu li jindirizzaw l-għoli tal-ħajja li saret pjaga kbira għal ħafna Franċiżi.

Irrispettivament mir-riżultat — ftit huma l-Franċiżi li qed jistennew li Macron iwassal tassew għal riżultati konkreti u li minnhom jibbenefikaw is-setturi kollha tas-soċjetà. Dan meta l-maġġoranza tal-Franċiżi jaqblu li kollox baqa’ l-istess f’pajjiżhom mindu Macron kien elett President għall-ewwel darba u wara li hu wiegħed li kellu jkun l-ixprun wara bidla qawwija fi Franza.

Il-kampanja elettorali fi Franza kienet waħda qasira iżda l-għażla għall-votanti kienet ċara sa mill-ewwel jum.

Madwar 48.7  miljuni kienu eliġibbli biex jivvutaw fit-tieni rawnd tal-votazzjoni u l-indikazzjonijiet, għalissa, huma li  ħarġu jivvutaw ftit aktar Franċiżi milli kien il-każ waqt l-ewwel rawnd ta’ ħmistax ilu.