Liverpool mill-ġdid naqqsu d-distakk ma’ Manchester City –il-liders tal-Premier League – għal punt wieħed biss wara li għelbu l-isfida qalbiena ta’ Everton, 2-0, fid-derby ta’ Merseyside. Il-konfront f’Anfield Road kien mimli bit-tensjoni, b’Everton – minkejja t-telfa – juru titjib kbir fuq l-aħħar ħarġiet u biż-żgħażugħ. Anthony Gordon, ikun ta’ uġigħ ta’ ras kontinwa għal Trent Alexander-Arnold u d-difensur tar-Reds. Madankollu – u minkejja li ftit impressjonaw – Liverpool kienu kliniċi biżżejjed biex jikkastigaw żewġ żbalji ta’ Everton lejn l-aħħar ħinijiet u, issa, jidher li t-taqtigħa għat-titlu tal-ogħla kampjonat Ingliż se jinżamm ħaj sal-aħħar tal-istaġun, Everton kellhom għajta tajba għal penalty meta, fit-tieni taqsima, Joel Matip deher iżomm lil Gordon fil-kaxxa u meta l-attakkant tat-Toffees kien waħdu quddiem Alisson Becker.
Madankollu, ir-referi Stuart Attwell injora l-protesti mill-plejers ta’ Everton waqt li ddeċieda biex ma jikkonsultax il-VAR. U għalkemm Everton komplew itellgħu l-kontra-attakki veloċi kienu Liverpool li żblukkaw ir-riżultat minn Andy Robertson (62) li skorja bir-ras fuq il-kross ta’ Mo Salah – bir-Reds jagħlqu l-logħba meta, fil-85 minuta, is-sostitut Diaz ipprova bicycle-kick li spiċċa f’assist għas-sosititut Divock Origi li mill-ġdid sab ix-xibka ta’ Pickford. Ir-riżultat ifisser li Everton, issa, niżlu fiz-zona l-ħamra tal-Premier League fost il-possibbiltà kbira li huma jitilfu posthom fl-ogħla kampjonat għall-ewwel darba mill-istaġun 1954-55.
Gowl skurjat fid-90 minuta minn Christian Pulisic sewa tliet punti oħra għal Chelsea fid-derby ta’ Londra ma’ West Ham United, fi Stamford Bridge. West Ham niżlu għal din il-logħba b’diversi plejers neqsin minħabba li l-Ħamis iridu jilgħabu kontra Eintracht Frankfurt fl-ewwel leg tas-semi-finali tal-Europa League. Intant – u sakemm wasal il-mument ta’ Pulisic – kollox kien qed jindika li l-Hammers kellhom jiksbu punt meritat minn dan il-konfront qabel l-aħħar minuti drammatiċi. Fil-fatt, fis-87 minuta, il-midfielder Taljan ta’ Chelsea, Jorginho, tilef penalty li ngħata għal fawl fil-kaxxa fuq Romelu Lukaku – bil-Hammers jispiċċaw b’għaxra wara li tkeċċielhom Craig Dawson fil-‘buildup’ għall-penalty. Iżda fil-ħin miżjud, Pulisic kien fil-post eżatt biex jegħleb lil Fabianski fuq il-kross fil-baxx ta’ Marcos Alonso u għal riżultat li jikkonsolida t-tielet post għal Chelsea li, issa, qed igawdu vantaġġ ta’ ħames punti fuq Arsenal.
Burnley komplew juru l-aqwa forma b’rebħa oħra diffiċli (1-0) f’Turf Moor, din id-darba għall-ispejjeż ta’ Wolves. Ir-riżultat ifisser li Burnley ħadu nifs ġdid fil-ġlieda kontra r-relegation u fejn kisbu seba’ punti mill-aħħar tliet logħbiet wara li kienu keċċew lill-manager veteran Sean Dyche. Intant, il-logħba kienet deċiża fit-62 minuta, meta Matej Vydra ma falliex mill-viċin wara li rċieva assist perfett mingħand Wout Weghorst. Dan waqt li l-gowlkiper tal-Clarets, Pope, irnexxielu jinnewtralizza t-tentattivi kollha tal-avversarji fuq il-lasta tiegħu biex jaċċerta mir-rebħa prezzjuża.
James Ward-Prowse skorja żewġ gowls mill-isbaħ biex salva punt għal Southampton fid-dro, 2-2, ma’ Brighton fl-Amex Stadium. Brighton bdew tajjeb u marru fil-vantaġġ minn Danny Welbeck wara biss żewġ minuti – bid-difensur tas-Saints, Salisu, jikkommetti awtogowl sfortunat f’nofs l-ewwel taqsima. Iżda sekondi qabel il-mistrieħ Ward-Prowse naqqas id-distakk bi freekick tipiku u fl-54 minuta, l-istess plejer kiseb parità b’xutt qawwi li ma l-ebda ċans lill-gowlkiper Robert Sanchez – u bl-iskor jibqa’ l-istess sal-aħħar.
PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ: Arsenal v Man Utd 3-1, Leicester v Aston Villa 0-0, Man City v Watford 5-1, Norwich v Newcastle 0-3, Brentford v Tottenham 0-0 Illum: Brighton v Southampton 2-2 Burnley v Wolves 1-0 Chelsea v West Ham 1-0 Liverpool v Everton 2-0
Għada C’Palace v Leeds U. 9.00pm