Artiklu: Stewart Said
Għar-raba’ darba konsekuttiva, it-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo tela’ fil-grupp tal-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew kontra l-pajjiż organizzattiv. Il-Maltin telgħu fi Grupp B kontra l-Greċja, Franza u l-organizzaturi l-Kroazja. Lura fl-2016, il-Kampjonat Ewropew kien sar f’Belgrad u Malta telgħet fil-grupp kontra s-Serbja, fl-2018 f’Barcelona, Malta telgħet fil-grupp kontra Spanja u fl-aħħar edizzjoni ta’ sentejn ilu, Malta telgħet kontra l-Ungerija meta l-kompetizzjoni saret fil-kapitali Budapest.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu ma’ dan is-sit, il-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo qal li “hu grupp diffiċilissimu u kienet tkun aħjar kieku ġejna fi Grupp D. Għar-raba’ darba konsekuttiva erġajna ġejna mal-pajjiż organizzattiv. Kienet ċerimonja sabiħa ħafna u laqgħuna tajjeb ukoll u ġejna naraw il-lukanda fejn se noqogħdu. Se jkun diffiċli biex nirbħu logħba fil-grupp u nittamaw li fil-logħbiet ta’ klassifikazzjoni niġu kontra l-Iżrael jew is-Slovenja. Issa li nafu t-timijiet, nibdew bil-preparazzjoni tagħna,” żied Izzo.
Din mhux se tkun l-ewwel darba li Malta se tilgħab fil-grupp tal-Kampjonat Ewropew kontra l-Kroazja u Franza. Proprju fl-2016, Malta kienet ukoll fi Grupp B flimkien mal-Kroazja u Franza. Dakinhar Malta kienet tilfet 22-2 kontra l-qawwa Kroata u 17-7 kontra Franza. L-istess inkontru kontra l-Franċiżi seħħ fl-2018 u dakinhar Malta kienet tilfet b’distakk ta’ sitt gowls. Flimkien mal-Kroazja u Franza, hemm ukoll il-Greċja. Dan se jkun l-ewwel dwell kontihom fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew, nazzjon li wasal sal-finali tal-aħħar Olimpjadi.
Malta kwalifikat għar-raba’ edizzjoni konsekuttiva tal-Kampjonat Ewropew wara li fi Frar li għadda f’pajjiżna, Malta spiċċat it-tieni fil-grupp b’rebħiet kontra l-Irlanda u l-Litwanja u telfa kontra r-Rumanija. Il-poloz telgħu f’palazz antik fil-belt ta’ Split. Il-Kampjonat Ewropew jibda fis-27 ta’ Awwissu u jibqa’ sejjer sal-10 ta’ Settembru. Il-finali se tintlagħab fi Spaladium Arena, post li nbena fl-2008 u jilqa’ fih sa 10,000 spettatur.
Il-Gruppi kollha fil-fażi finali
Grupp A: Italja, Georgia, Slovakkja, Montenegro
Grupp B: Greċja, Malta, Franza, Kroazja
Grupp Ċ: Rumanija, Ġermanja, Spanja, Olanda
Grupp D: Serbja, Ungerija, Iżrael, Slovenja
//= $special ?>