Lokali Qorti

Raġel akkużat li rreżista l-arrest b’mod vjolenti jingħata l-pleġġ

Raġel li rreżista lill-uffiċjali tal-pulizija inkarigati biex fittxu fir-ristorant tiegħu ingħata l-ħelsien mill-arrest, bil-maġistrat tistaqsi dwar il-metodi li ntużaw biex jag]mlu t-tftittxija u kif aġixxew mal-akkużat. Paschalino Cefai ta’ 42 sena ġie akkużat li rreżista b’mod vjolenti l-arrest, li insulta lill-uffiċjali tal-pulizija, li naqas milli jirrispetta l-kundizzjonijiet tal-pleġġ u li sar reċediv. Huwa wieġeb mhux ħati.

Cefai miż-Żebbuġ, Għawdex, għandu rekord kriminali kkulurit li jinkludi kundanni talli ta bis-sikkina lill-persuna f’awla tal-Qorti u talli attakka maġistrat f’inċident separat. Il-Maġistrat Brigitte Sultana semgħet kif uffiċjali tal-pulizija daħlu fir-ristorant ta’ Cefai waqt li kien qed isajjar.

Il-Pulizija infurmawh li kellha struzzjonijiet biex tfittex fil-proprjetà u ordnaw lil Cefai biex jinżel għarkopptejh peress li riedu jimmanettjawh. Cefai hawn sar vjolenti u eventwalment il-pulizija kellha tuża t-taser biex tikkontrollah. Ma nstab xejn illegali waqt it-tfittxija fil-proprjetà ta’ Cefai.

L-avukati ta’ Cefai talbu għall-ħelsien mill-arrest, u saħqu li l-klijent tagħhom kien skuża ruħu mal-uffiċjali għall-imġieba tiegħu u attribwewha għat-tensjoni u sorpriża meta hu ra numru ta’ pulizija fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li indikat ir-rekord kriminali twil ta’ Cefai, li kien jinkludi wkoll ksur tal-kundizzjonijiet tal-pleġġ.

Iżda l-maġistrat staqsiet lill-prosekuzzjoni diversi mistoqsijiet dwar il-proċedura użata meta ssir it-tfittxija. Hija nnotat li kien hemm ħames uffiċjali preżenti u staqsiet jekk kienx meħtieġ li jimmanettjawh u jniżżluh għarkopptejh qabel ma ssir it-tfittxija.

Il-Qorti tat lil Cefai ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €4,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Cefai jrid jiffirma l-għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb irrappreżentaw lil Cefai. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech.